gov.mt

pr260791

PR260791

05/05/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU




Id-Deputat Prim Ministru Borg u s-Sotto-Segretarju Ġenerali u Rappreżentanta Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda Frazier iniedu diskussjonijiet dwar il-paċi fl-iskejjel

Malta tospita konferenza internazzjonali dwar it-tfal u l-kunflitti armati

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg nieda sensiela ta’ attivitajiet u diskussjonijiet fi skejjel madwar Malta u Għawdex, sabiex iħeġġu lit-tfal u ż-żgħażagħ jikkontribwixxu fl-impenn lejn il-paċi u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal.

L-ewwel attivitajiet ta’ din l-inizzjattiva, li huma parti mill-kampanja tan-Nazzjonijiet Magħquda Prove It Matters, qed isiru f’erba’ skejjel, fl-istess ġimgħa li fiha l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed jospita f’Malta l-konferenza internazzjonali Children and Armed Conflict (CAAC) – A Critical Component of the Emerging Global Peace and Human Security Framework, fil-Belt Valletta.

It-Tlieta, Dr Borg, flimkien mas-Sotto-Segretarju Ġenerali u Rappreżentanta Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għat-Tfal u l-Kunflitti Armati, Vanessa Frazier, u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Matthew Vella, iltaqgħu ma’ uħud mit-tfal li qed jieħdu sehem fl-ewwel attivitajiet ta’ din l-inizjattiva.

Waqt dawn is-sessjonijiet, l-istudenti tkellmu u tgħallmu dwar it-tifsira tal-paċi u d-djalogu, kif ukoll l-universalità tad-drittijiet tat-tfal, irrispettivament fejn jgħixu. L-istudenti ħolqu wkoll origami b’messaġġi ta’ paċi, li se jitpoġġew għall-wiri fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, fi New York.

Id-Deputat Prim Ministru saħaq li l-paċi hija fundamentali biex it-tfal iħossuhom siguri fil-komunitajiet tagħhom u biex ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni li jeħtieġu. “Malta hija impenjata biex tħares lit-tfal li jgħixu l-gwerer u instabbiltà. Ejjew inkomplu nisimgħu lit-tfal u liż-żgħażagħ biex insaħħu dan l-isforz globali,” qal Dr Borg.

“Iż-żjarat fl-iskejjel u l-impenn dirett mat-tfal permezz tal-kampanja Prove It Matters ifakkruna li l-ħarsien tat-tfal hija responsabbiltà ta’ kuljum. L-edukazzjoni hija waħda mill-aktar għodod b’saħħithom biex nevitaw ir-reklutaġġ, il-ħtif, il-vjolenza u l-isfruttament tat-tfal, u biex nixprunawhom isiru aġenti tal-paċi,” żiedet is-Sotto-Segretarju Ġenerali.

Il-kampanja Prove It Matters, inizjattiva ġdida mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għat-Tfal u l-Kunflitti Armati, għandha l-għan li tfakkar lil dawk fil-poter fl-importanza tad-drittijiet tat-tfal.

Aktar kmieni t-Tlieta filgħodu, id-Deputat Prim Ministru Borg fetaħ ukoll il-Konferenza dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati fil-Kampus tal-Università ta’ Malta, fil-Belt Valletta, attività li laqqgħet flimkien imsieħba internazzjonali biex javvanzaw l-isforzi għall-ħarsien tat-tfal affettwati minn kunflitti armati.

“F’diversi reġjuni ta’ kunflitt madwar id-dinja, it-tfal għadhom jiffaċċjaw il-vjolenza, l-ispostament, it-tfixkil tal-edukazzjoni, u riskji ġodda oħra, speċjalment dawk relatati mal-aspetti diġitali. L-aġenda dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati hija eżami ewlieni tal-kredibilità tagħna – il-mod kif nirreaġixxu dwar il-ħarsien tat-tfal huwa xhieda tad-determinazzjoni tagħna għall-paċi, il-liġi internazzjonali, u d-dinjità umana,” stqarr Dr Borg.

Is-Sotto-Segretarju Ġenerali Frazier qalet li “l-protezzjoni tat-tfal illum hija investiment f’soċjetajiet aktar stabbli, ġusti u reżiljenti għada. It-tmexxija ta’ Malta sabiex nimbuttaw ’il quddiem din l-aġenda tibgħat messaġġ ċar: id-drittijiet u l-ħarsien tat-tfal għandhom jibqgħu fil-qalba tal-azzjoni globali.”

Hekk kif aktar minn wieħed minn kull sitt itfal madwar id-dinja qed jgħixu f’ambjenti affettwati minn kunflitti, il-Konferenza CAAC f’Malta qed issaħħaħ l-għodod eżistenti, tindirizza sfidi emerġenti, u tasal għal rakkomandazzjonijiet għall-futur. Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, fosthom l-irwol tagħha fit-tmexxija tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, u l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 2764 (2024) tal-Kunsill tas-Sigurtà, il-Konferenza qed tiġi mtella’ b’kollaborazzjoni mill-Uffiċċju tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għat-Tfal u l-Kunflitti Armati.