gov.mt

PR260843

PR260843

13/05/2026

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Restawr fil-Kottonera jkompli jsaħħaħ il-wirt storiku u reliġjuż


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, flimkien maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, żaru xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru fuq diversi siti ekkleżjastiċi fil-Kottonera, b’mod partikolari f’Bormla. Dawn il-proġetti huma parti minn programm kontinwu ta’ konservazzjoni tal-patrimonju storiku u reliġjuż fiż-żona.

Fost ix-xogħlijiet ewlenin hemm ir-restawr tal-pittura titulari oriġinali tal-Knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla, opra li ġarrbet ħsarat estensivi matul it-Tieni Gwerra Dinjija meta kienet tneħħiet mill-knisja għall-protezzjoni tagħha. Il-proġett għandu l-għan li jikkonserva u jirrestawra l-valur artistiku u storiku. Il-valur totali ta’ dan il-proġett huwa ta’ €44,674, b’75% iffinanzjat mill-iskema tal-Proġetti u Inizjattivi tal-Fondazzjoni Kottonera, u huwa mistenni jitlesta sa Diċembru 2026.

Żaru wkoll ix-xogħlijiet estensivi fil-Parroċċa Marija Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla, li jinkludu r-restawr tal-katedral Barokk tal-injam tas-seklu 18, il-pulptu liturġiku, l-aperturi tal-Oratorju tal-Madonna tad-Duluri, kif ukoll tmien gwarniċi tal-“Via Matris”. Dan il-proġett għandu valur ta’ €62,540 u qed jitwettaq ukoll b’75% finanzjament mill-Fondazzjoni Kottonera, u mistenni jitlesta f’Marzu 2027.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li dawn il-proġetti juru l-impenn tal-Gvern biex jippreserva l-wirt storiku u reliġjuż tal-Kottonera biex ikompli jitgawda mir-residenti. Hija saħqet li l-investiment fil-konservazzjoni huwa investiment fil-komunità u fl-identità kulturali Maltija.

Min-naħa tiegħu Joe Mizzi qal li l-iskop ewlieni tal-Fondazzjoni Kottonera huwa li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies kollha li jgħixu fil-Kottonera. “Qed naħdmu għal riġenerazzjoni sinifikanti li tinkludi infrastruttura aħjar u fl-istess ħin il-ħarsien u l-immodernizzar tal-wirt storiku taż-żona,” temm jgħid is-Sur Mizzi. 

Dawn il-proġetti ta’ restawr juru l-impenn kontinwu sabiex il-wirt kulturali u reliġjuż tal-Kottonera jiġi protett, restawrat u mgħoddi b’mod sostenibbli lill-ġenerazzjonijiet futuri.