gov.mt

pr260858

PR260858

15/05/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Inklużjoni aħjar fl-isport: Imnedija l-iskema ‘Sport għal Kulħadd’

​​​​​​​

Programm tal-futbol speċjalizzat għal tfal bl-awtiżmu u b'diżabilitajiet mhux viżibbli

 

Tnediet l-iskema 'Sport għal Kulħadd', inizjattiva li ġiet żviluppata wara xhur ta' ħidma mill-klabb tal-futbol Żurrieq FC, bil-għan li tkompli ssaħħaħ l-inklużjoni fl-isport.

 

Din l-iskema mhux biss se tibbenefika lit-tfal li diġà jagħmlu parti mill-programmi tan-nursery ta' Żurrieq FC, iżda se toħloq ukoll opportunitajiet ġodda għal tfal b'diżabilitajiet mhux viżibbli, bħall-awtiżmu, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw, jiżviluppaw u jgawdu l-isport bl-istess mod bħal sħabhom.


Preżenti għat-tnedija ta' dan il-programm kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, akkumpanjata mid-Deputy Chairperson tal-AX Foundation Joseph Borg u mill-President ta' Żurrieq FC Dino Bonnici u mis-Sindku tal-Kunsill Lokali Żurrieq Rita Grima.

 

Permezz ta' dan il-programm kofinanzjat mill-Ministeru għall-Inklużjoni u mill-AX Foundation, se jiġu offruti sessjonijiet ta' taħriġ adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tat-tfal, immexxija minn coaches u professjonisti mħarrġa apposta, flimkien ma' appoġġ kontinwu lill-familji kemm qabel kif ukoll waqt il-parteċipazzjoni fit-taħriġ. Barra minn hekk, l-iskema tipprovdi wkoll opportunità sabiex dawn it-tfal jitħarrġu flimkien ma' tfal oħrajn, bil-għan li eventwalment jingħaqdu mal-programmi mainstream.

 

Din it-tnedija twieġeb għal sejħiet kontinwi minn familji sabiex it-tfal bl-awtiżmu ma jibqgħux esklużi minn attivitajiet sportivi. Il-programm huwa mibni fuq mudelli tal-aħjar prattika, inklużi dawk użati barra minn Malta, kif ukoll fuq gwida speċjalizzata.

 

Il-Ministru Julia Farrugia enfasizzat li din l-inizjattiva hija pass ieħor lejn soċjetà aktar inklużiva, u li tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern skont l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità. Hija nnutat ukoll li hemm diversi eżempji, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, ta' individwi b'diżabilitajiet inviżibbli li rnexxielhom jilħqu livelli għoljin fl-isport. “Huwa kruċjali li nibqgħu nibnu soċjetà fejn kull tifel u tifla, irrispettivament mid-diżabilità tagħhom, anke jekk inviżibbli, ikollhom l-istess opportunitajiet biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. L-inklużjoni mhijiex għażla, iżda dritt fundamentali, u permezz ta' inizjattivi bħal din qed nagħmlu pass konkret biex ħadd ma jitħalla lura," temmet tgħid il-Ministru.

 

Il-Ministru rringrazzjat lil Żurrieq FC, lill-istaff u lill-voluntiera kollha għall-impenn tagħhom, kif ukoll lill-awtoritajiet sportivi u lill-għaqdiet li appoġġjaw din l-inizjattiva. Ġenituri interessati li jirreġistraw lit-tfal tagħhom f'din l-iskema jistgħu jikkuntattjaw lil Żurrieq FC permezz tal-email [email protected] jew iċemplu fuq 99223562.

​