Fl-aħħar xhur, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq diversi xogħlijiet differenti f'diversi lokalitajiet madwar Malta. Din il-ħidma li saret, u qed issir, se tkompli tgħin lill-Knisja f'Malta biex tkompli tingħata għajnuna għall-ġid tal-komunitajiet madwar Malta.
Fost ix-xogħol li sar, ġie inawgurat iċ-Ċentru Parrokkjali taż-Żurrieq, wara xhur ta' xogħol min-naħa tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li kien jinvolvi xogħol fuq il-faċċata taċ-Ċentru Parrokkjali fejn din il-faċċata saret bl-irħam, kif ukoll tranġaw u ssebbħu l-bibien u t-twieqi ta' din il-faċċata. Apparti minn hekk, sar restawr tal-bieb prinċipali oriġinali. Ix-xogħol kien jinkludi wkoll bankina li sarilha l-pavimentar biex tkun iżjed aċċessibbli u ssebbaħ id-daħla ta' dan iċ-Ċentru. Saru wkoll xogħlijiet interni ta' tisbiħ bħall-kisi, gypsum modern, żebgħa, twaħħil ta' madum ġdid u modern, u sistema ġdida ta' ventilazzjoni, fost oħrajn.
Sar ukoll xogħol ta' waterproofing fuq il-bjut tal-Knisja tal-Qrendi, u dik ta' Birżebbuġa, kif ukoll xogħol fuq il-bibien prinċipali tal-Knisja tal-Imqabba u l-Knisja ta' Ħad-Dingli.
Iżda l-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għadha għaddejja, hekk kif fl-aħħar ġimgħat ġew iffirmati diversi ftehimiet. Fost dawn se ssir l-installazzjoni ta' sistema ta' dawl moderna u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-Kappella ta' Santa Katarina fl-Imqabba.
Ftehim ieħor li sar kien mal-Parroċċa ta' Ħal Kirkop fejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi intervjena biex issir rikostruzzjoni, estensjoni u t-tisbiħ tad-Domus Curialis, biex tikber din il-binja biex tkun tista' tintuża mill-għaqdiet tar-raħal. Dan ix-xogħol se jkun jikkonsisti minn xogħol ta' bini ta' din ir-rikostruzzjoni u estensjoni ma' binja oħra fuq in-naħa ta' wara ta' din il-binja, finishes madwar il-binja kollha u servizzi ġodda sabiex l-ispazju li toffri l-binja jkun massimizzat u użat għall-ġid tal-komunità ta' Ħal Kirkop.
F'Ħal Kirkop, se jsir ukoll xogħol fuq iz-zuntier tal-knisja, hekk kif ġie approvat il-permess, id-disinji huma lesti, u issa l-pass li jmiss huwa li tinħareġ is-sejħa għall-offerti biex isiru x-xogħlijet meħtieġa.
Fiż-Żurrieq ġie ffirmat ukoll ftehim fejn ser isir ukoll xogħol fuq iċ-ċimiterju f'Bubaqra. Ix-xogħol prinċipali huwa dak tar-rikostruzzjoni tal-ħajt ta' quddiem taċ-Ċimiterju ta' San Leo f'Bubaqra, iż-Żurrieq. Ix-xogħlijiet jinkludu t-twaqqigħ tal-ħajt eżistenti li jinsab bil-ħsara, magħmul minn tmien pilastri, sitt sezzjonijiet ta' parapett u spazju ċentrali għal bieb. Wara dan, se jinbena ħajt ġdid bil-ġebla tal-franka, b'disinn adattat għall-ambjent taċ-ċimiterju. Il-proġett jinkludi wkoll il-manifattura u l-installazzjoni ta' railings ġodda tal-azzar u bieb ġdid tal-azzar.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal kif dan ix-xogħol ikompli juri l-impenn tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex tingħata kull għajnuna possibbli lill-għaqdiet volontarji, u anke dawk tal-knisja, biex isaħħu dawn l-għaqdiet u jkomplu jsebbħu u joħolqu l-ġid fil-komunitajiet ta' Malta.