gov.mt

pr260897

PR260897

20/05/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jitlesta x-xogħol fil-pjazza prinċipali ta’ Ħal Tarxien wara proġett infrastrutturali ta’ tisbiħ

Iffirmat ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Knisja ta’ Ħal Tarxien għall-installazzjoni ta’ dawl ġdid

Il-pjazza prinċipali ta’ Ħal Tarxien ingħatat lura lir-residenti u lill-komunità wara proġett estensiv ta’ tisbiħ li ttrasforma l-qalba ta’ dan ir-raħal f’żona aktar moderna. Dan il-proġett twettaq mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi bħala parti minn viżjoni usa’ biex titfassal infrastruttura ġdida fiċ-ċentri tal-lokalitajiet li taqdi aħjar il-bżonnijiet tan-nies, bi spazji miftuħa ġodda għall-komunità kif ukoll dawk li jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport.

Il-proġett kien jinkludi pavimentar ġdid madwar il-pjazza b’emblema tal-lokalità fiċ-ċentru, il-bini mill-ġdid tas-servizzi taħt l-art u xogħlijiet infrastrutturali biex iż-żona tkun aktar sostenibbli u b’saħħitha għal futur. Kemm id-disinn kif ukoll il-materjal li ntuża ġew maħsuba biex jaqdu l-ħtiġijiet taċ-ċentru tar-raħal, fosthom il-fatt li t-triq biswit din il-pjazza tintuża minn Tallinja li se tkompli topera b’mod normali.

Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda immedjatament wara l-festa tad-Duttrina tas-sena l-oħra, b’impenn ċar li l-pjazza tkun lura għand in-nies sal-festa tal-Lunzjata ta’ din is-sena, wegħda li ġiet miżmuma. Filwaqt li l-pjazza issa tista’ titgawda mir-residenti u mill-pubbliku, ix-xogħlijiet finali fuq it-toroq fil-madwar se jkunu finalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar ukoll l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Public Works u l-Arċidjoċesi ta’ Malta li se jwassal biex tiġi installata sistema moderna ta’ dawl fuq il-faċċata, il-koppla u l-ġenb tal-knisja parrokkjali, sistema li se tkompli teżalta s-sbuħija tal-arkitettura tal-knisja li tiddomina il-pjazza u ċ-ċentru ta’ Ħal Tarxien. 

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett fakkar kif proġett bħal dan “isaħħaħ il-ħajja komunitarja billi joħloq spazju fejn ir-residenti jistgħu jiltaqgħu, jiċċelebraw flimkien u jqattgħu ħin ta’ kwalità f’ambjent sabiħ u modern.” Huwa qal li dan il-proġett jifforma parti minn kullana ta’ xogħlijiet minn Infrastructure Malta fosthom Vjal Kulħadd, il-Pjazza ta’ Buġibba u l-Ġnien tal-Fajtata li ser ikunu qed jagħtu spazji pubbliċi ġodda mill-isbaħ f’diversi lokalitajiet madwar Malta. “Għalkemm dan il-proġett ippreżenta numru ta’ sfidi, meta tara r-riżultat finali tifhem kemm kien jiswa kull sforz li sar,” temm jgħid il-Ministru Bonett.