gov.mt

PR260902

PR260902

21/05/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEW U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Inawgurat Blokk 1 fl-Isptar Monte Carmeli



Ġew inawgurati ż-żewġ swali ta' Blokk 1 f'Monte Carmeli, b'investiment ta' €7.7 miljun. Dan jassigura facilità ġdida u moderna għall-kura tas-Saħħa Mentali Akuta f'Monte Carmeli. €5 miljun minn dan l-investiment kien iffinanzjat minn fondi Ewropej. Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u l-Ministru għall-Fondi Ewropew u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.

Din il-faċilità ġdida u moderna toffri 46 sodda u ġiet żviluppata biex tipprovdi ambjent modern, sigur u terapewtiku mmirat biex jappoġġja l-fejqan tal-pazjenti. Il-faċilità mistennija tibda tilqa' l-ewwel pazjenti tagħha fil-ġranet li ġejjin, skont timeline maqbula minn esperti fil-psikjatrija u infermerija. Dan hu pass importanti fit-tisħiħ tas-servizzi tas-saħħa mentali akuta u fit-titjib tal-benesseri tal-pazjenti.

Bħala parti minn dan il-proġett, fil-ġranet li ġejjin ser ikun qed jinfetaħ ukoll ġnien terapewtiku biswit il-binja. Il-ġnien ġie mfassal speċifikament bħala spazju sigur fil-beraħ għal pazjenti b'kundizzjonijiet ta' saħħa mentali akuta, li se jassisti fl-irkupru u l-benesseri tal-pazjenti.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li din il-blokka tirrifletti investiment kontinwu fit-titjib tal-infrastruttura tas-saħħa mentali u fil-provvista ta' kura ta' kwalità għolja f'ambjenti mfassla madwar is-sigurtà, id-dinjità u l-irkupru tal-pazjenti. “Fis-saħħa mentali, l-ambjent huwa parti mill-fejqan u hawnhekk sar u qed  isir minn kollox sabiex l-ogħla standards internazzjonali ikunu osservati," qal Dr Abela.​​

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li dan il-proġett, iffinanzjat mill-Fondi Ewropej permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jirrappreżenta investiment ta' aktar minn €5 miljun li qed iwassal għal infrastruttura tas-saħħa aktar moderna, sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li joffri ambjent aħjar għall-pazjenti u għall-professjonisti tas-saħħa u jikkontribwixxi biex Malta tkompli tilħaq il-miri klimatiċi tagħha.