Numru ta' professjonisti fil-qasam veterinarju ngħataw uffiċjalment il-warrant tagħhom waqt ċerimonja li rrikonoxxiet ir-rwol essenzjali li dawn il-professjonisti għandhom fis-salvagwardja tas-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali u l-benesseri tagħhom f'Malta.
Iċ-ċerimonja kienet okkażjoni ta' rikonoxximent għad-dedikazzjoni, il-perseveranza u s-sagrifiċċji professjonali ta' dawn il-veterinarji, li ħafna minnhom temmew studji intensivi kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo saħaq li l-professjoni veterinarja għandha rwol fundamentali fis-sistema tas-saħħa pubblika, partikolarment fil-kunċett tal-“farm to fork", fejn ix-xogħol tagħhom jinkludi wkoll li jiżguraw li l-prodotti tal-ikel ikunu siguri, ta' kwalità u konformi mal-ogħla standards. Huwa faħħar id-dedikazzjoni kontinwa tal-veterinarji u stqarr li din iċ-ċerimonja hija xhieda tal-apprezzament li Malta għandha lejn il-komunità veterinarja.
Il-Ministru semma wkoll l-investiment kontinwu li qed isir fis-settur, inkluż il-ħidma biex għall-ewwel darba f'pajjiżna jiġi introdott kors veterinarju f'kollaborazzjoni bejn MCAST u l-Università ta' Barcelona akkreditat mill-Unjoni Ewropea. Dan il-pass huwa meqjus bħala wieħed storiku li qed isaħħaħ l-opportunitajiet edukattivi għal studenti Maltin u Għawdxin li qabel kellhom jivvjaġġaw barra minn xtutna biex isegwu din il-karriera.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kunsill tal-Veterinarji Dr Natalino Caruana de Brincat irringrazzja lill-professjonisti għall-impenn tagħhom lejn l-istandards għoljin tal-professjoni u tenna li l-għoti tal-warrant huwa simbolu ta' fiduċja, responsabbiltà u etika professjonali.
Dawn l-iżviluppi huma pass importanti 'l quddiem għall-futur tal-mediċina veterinarja f'Malta, b'enfasi fuq il-kwalità, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali.