gov.mt

PR261031

PR261031

18/06/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-Ministru Zerafa Civelli żżur ix-xogħlijiet li għaddejjin fiż-żona ta’ Għar Lapsi mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi


Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin f’Għar Lapsi, wara l-ħsarat sinifikanti li ġabet magħha l-maltempata Harry li affettwat diversi żoni madwar il-pajjiż matul ix-xitwa li għaddiet. Illum sar it-tqegħid ta’ blokok tal-konkrit u tferra’ il-konkos, bħala parti mill-ħidma biex tibda tiġi ffurmata r-rampa li se sservi għall-użu tal-għawwiema u l-viżitaturi. Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ l-infrastruttura eżistenti, itejjeb l-aċċessibbiltà u jissalvagwardja s-sigurtà ta’ dawk kollha li jżuru din iż-żona popolari.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern huwa kommess li permezz ta’ dan il-proġett jsaħħaħ l-aċċessibilità u l-infrastruttura, bil-għan li din iż-żona terġa’ tkun tista’ titgawda mill-pubbliku f’ambjent sigur u organizzat.

Hija saħqet li s-sigurtà tibqa’ l-prijorità ewlenija f’kull intervent li qed isir, partikularment f’sit li jattira numru sostanzjali ta’ viżitaturi u turisti. Il-ministru spjegat li x-xogħlijiet huma mfassla b’mod li jindirizzaw ir-riskji eżistenti u fl-istess ħin itejbu l-esperjenza ta’ dawk li jżuru ż-żona, sabiex Għar Lapsi jerġa’ jingħata lura lill-pubbliku bħala destinazzjoni aċċessibbli, sigura u sostenibbli.

Il-Perit Mario Ellul spjega li x-xogħlijiet huma mqassma fi tliet żoni ewlenin: l-iskall, ir-rampa li twassal għal Għar Lapsi, u l-konsolidament tal-blat fil-bajja ta’ Għar Lapsi. “Dan il-blat ġarrab erożjoni sostanzjali kawża tal-maltempata Harry. Ix-xogħlijiet fuq ir-rampa jinsabu fi stadju avvanzat, u wara li jitqiegħdu dawn il-blokki jibda t-tqegħid tal-wiċċ il-ġdid tal-konkos. Fl-istess waqt, qed isir studju dettaljat u jitħejja d-disinn tal-interventi meħtieġa biex jitneħħa l-periklu ta’ blat li jista’ jċedi madwar din il-bajja” qal il-Perit Ellul. Sakemm jibqgħu għaddejjin ix-xogħlijiet, l-aċċess għall-bajja se jibqa’ ristrett fl-interess tas-sigurtà pubblika, minħabba r-riskji marbuta mal-istabbiltà tal-irdum.

Il-Gvern jibqa’ impenjat li jwettaq dawn l-interventi bl-ogħla standards ta’ sigurtà u kwalità, filwaqt li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar l-iżviluppi relatati.