L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA) irreġistrat sena rekord oħra għas-servizzi tar-Riproduzzjoni Medikament Assistiti, b’riżultati li jpoġġu lil Malta fost il-pajjiżi ewlenin fl-Ewropa f’dan il-qasam.
Dan ħareġ waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar l-Estimi Finanzjarji u r-Rapport Annwali tal-Awtorità, fejn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, enfasizza li l-investiment kontinwu tal-Gvern fis-servizzi tal-IVF qed iwassal għal aktar suċċessi u aktar familji li jwettqu l-ħolma tagħhom li jsiru ġenituri.
Fl-2025 ġew irreġistrati fost l-oħrajn dawn ir-riżultati:
• 2,049 applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ proċeduri ta’ Riproduzzjoni Medikament Assistita.
• 774 proċedura tal-IVF, li minnhom irriżultaw 249 tqala.
• Rata Nazzjonali ta’ Tqala rekord ta’ 57.77%, żieda ta’ 11.47 punti perċentwali fuq l-2024.
• 254 tarbija twieldu permezz tal-IVF matul l-2025 – rekord nazzjonali ġdid.
• Take Home Baby Rate Nazzjonali ta’ 45.01%, l-ogħla rata li qatt ġiet irreġistrata f’Malta.
B’dawn iċ-ċifri Malta kisbet rati ta’ suċċess li jaqbżu b’mod sinifikanti l-medja Ewropea, kemm fit-trattamenti tradizzjonali tal-IVF kif ukoll f’dawk bl-użu ta’ donor sperm u donor oocytes.
Dr Borg qal li dawn ir-riżultati juru biċ-ċar li r-riformi u l-investiment li saru matul dawn l-aħħar snin qed jagħtu l-frott tagħhom. “Is-suċċess li qed niksbu f’termini ta’ statistika jagħmilna kburin u jikkonferma li l-investimenti li saru qed jagħtu l-frott tagħhom, iżda fl-aħħar mill-aħħar qatt ma għandna ninsew li wara kull numru hemm wild, hemm familja u hemm futur.”
Id-Deputat Prim Ministru fakkar ukoll li kien dan il-Gvern li fl-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura li għaddiet daħħal l-emendi fil-liġi tal-IVF, li permezz tagħhom ġie introdott il-PGTM (Pre-Genetic Testing for Monogenic Diseases). Id-Deputat Prim Ministru tenna l-impenn tal-Gvern li, kif imwiegħed, fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura jkompli jwessa’ l-lista ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi li għalihom jista’ jsir il-PGTM.
Dr Borg tenna li dawn ir-riżultati jkomplu jsaħħu l-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti fis-servizzi tar-Riproduzzjoni Medikament Assistita u fl-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun. Huwa ħabbar li se jkomplu jiżdiedu r-riżorsi umani u finanzjarji tal-Awtorità, filwaqt li se jitniedu aktar programmi ta’ edukazzjoni dwar il-fertilità u kampanji nazzjonali ta’ għarfien dwar is-saħħa riproduttiva.
“Huwa proprju b’dan il-ħsieb li l-Gvern, sa mill-bidu nett, għażel li jinvesti fin-nies, fil-professjonisti u fl-aqwa teknoloġija disponibbli. Fl-istess waqt, ma beżax jieħu deċiżjonijiet importanti u kruċjali, anke meta dawn ma kinux faċli jew kienu jeħtieġu kuraġġ politiku. Lanqas ma qagħad lura milli jressaq il-bidliet leġiżlattivi meħtieġa sabiex il-qafas legali tagħna jibqa’ jirrifletti r-realtajiet tal-lum u jagħti l-għodod meħtieġa sabiex ikollna l-akbar ammont ta’ stejjer ta’ suċċess possibbli,” tenna d-Deputat Prim Ministru Ian Borg.