Malta rreġistrat l-inqas sehem ta’ ljieli mqattgħin mit-turisti matul iż-żewġ xhur l-aktar impenjattivi tas-sena fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, skont l-aħħar statistika ppubblikata mill-Eurostat għall-2025. Dan ikompli jikkonferma t-tranżizzjoni b’suċċess ta’ pajjiżna lejn mudell ta’ turiżmu sostenibbli mifrux matul is-sena kollha.
L-aħħar ċifri juru li 21.9% biss tal-iljieli kollha mqattgħin mit-turisti f’Malta ġew irreġistrati matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 31.1%. Malta kklassifikat fl-ewwel post fost l-Istati Membri kollha tal-UE bl-inqas konċentrazzjoni ta’ attività turistika matul il-perjodu tas-sajf, quddiem il-Ġermanja (24.0%) u l-Finlandja (24.1%).
Dan ir-riżultat jirrifletti l-evoluzzjoni kontinwa ta’ Malta minn destinazzjoni tradizzjonali tax-xemx u l-baħar għal waħda li toffri esperjenzi diversi matul is-sena kollha. Dan kien possibbli grazzi għal investiment kontinwu fid-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku, titjib fil-konnettività u strateġija ffukata fuq turiżmu ta’ kwalità
![]()
Figura 1: Is-sehem ta’ kull xahar tal-iljieli annwali mqattgħin mit-turisti f’akkomodazzjoni turistika: Malta mqabbla mal-medja tal-Unjoni Ewropea (Eurostat, 2025). Malta tirreġistra distribuzzjoni aktar bilanċjata tad-domanda turistika matul is-sena meta mqabbla mal-medja tal-UE.
Barra minn hekk, id-data tal-Eurostat turi li Malta qabżet il-medja tal-Unjoni Ewropea matul tmien xhur tas-sena. Bejn Jannar u Mejju kif ukoll bejn Ottubru u Diċembru Malta rreġistrat proporzjon ogħla tal-iljieli annwali mqattgħin mit-turisti meta mqabbel mal-medja tal-UE. Dawn ix-xhur huma tradizzjonalment meqjusa bħala l-istaġun ta’ barra mill-quċċata tal-attività turistika madwar l-Ewropa, u għalhekk din il-prestazzjoni hija indikazzjoni ċara tal-appell dejjem jikber ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika tul is-sena kollha.
Barra minn hekk, Malta rreġistrat sehem aktar baxx ta’ ljieli mqattgħin mit-turisti mill-medja tal-UE matul Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru, u dan jirrifletti tnaqqis intenzjonat fid-dipendenza fuq l-istaġun tradizzjonali tas-sajf. Filwaqt li f’ħafna pajjiżi Ewropej it-turiżmu għadu kkonċentrat b’mod qawwi matul dawn ix-xhur, id-domanda turistika lejn Malta issa hija mqassma b’mod ferm aktar uniformi tul is-sena kalendarja kollha.
Figura 2: Is-sehem perċentwali ta’ kull xahar tal-iljieli annwali mqattgħin mit-turisti f’Malta mqabbel mal-medja tal-Unjoni Ewropea (Eurostat, 2025). Malta qabżet il-medja tal-UE matul tmien xhur tas-sena, u dan juri b’mod ċar is-saħħa tal-prestazzjoni tagħha bħala destinazzjoni turistika tul is-sena kollha.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela laqa’ dawn ir-riżultati u qal li ċ-ċifri ppubblikati mill-Eurostat huma xhieda ċara tal-impenn tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) biex tkompli tpoġġi lil Malta bħala destinazzjoni turistika tal-għażla matul is-sena kollha.
“Flimkien mal-imsieħba kollha fis-settur, l-investiment sostanzjali li sar tul dawn l-aħħar snin ikkontribwixxa biex Malta ssir destinazzjoni unika, b’infrastruttura b’saħħitha u bażi ta’ servizzi li kapaċi tilqa’ lill-viżitaturi matul it-tnax-il xahar tas-sena”, tenna l-Ministru Abela
Iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta Charles Mangion qal: “Id-data indipendenti ppubblikata mill-Eurostat tagħti konferma oħra li Malta rnexxielha tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq it-turiżmu staġjonali. Dan is-suċċess huwa frott snin ta’ ppjanar strateġiku, investiment u kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, il-Gvern u s-settur privat. Kalendarju turistiku aktar bilanċjat isaħħaħ ir-reżiljenza tal-industrija tagħna, jappoġġja lin-negozji matul is-sena kollha u jwassal għal benefiċċji ekonomiċi usa’ għall-Gżejjer Maltin.”
Min naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, Carlo Micallef, żied jgħid “Dan huwa kisba notevoli għal Malta u Għawdex. Illum, Malta hija d-destinazzjoni turistika bl-inqas staġjonalità fl-Unjoni Ewropea, u dan juri kemm irnexxielna nevolvu lil hinn mill-mudell tradizzjonali tat-turiżmu tax-xemx u l-baħar tas-sajf. Permezz ta’ investiment kontinwu fit-turiżmu kulturali, fil-wirt storiku, fil-gastronomija, fit-turiżmu sportiv, fl-għadis, fis-settur tal-MICE, f’avvenimenti internazzjonali u f’niċeċ turistiċi speċjalizzati, żviluppajna industrija turistika li tattira viżitaturi matul it-tnax-il xahar tas-sena. Dawn iċ-ċifri indipendenti tal-Eurostat huma prova ċara li l-istrateġija fit-tul tagħna biex nibnu destinazzjoni turistika ta’ kwalità, attiva matul is-sena kollha, qed twassal għal riżultati li jistgħu jitkejlu.”
![]()
Figura 3: Is-sehem tal-iljieli annwali mqattgħin mit-turisti matul iż-żewġ xhur l-aktar impenjattivi tal-2025. Malta rreġistrat l-inqas konċentrazzjoni fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, b’21.9% biss tal-iljieli annwali mqattgħin mit-turisti jseħħu matul Lulju u Awwissu, ferm inqas mill-medja tal-UE ta’ 31.1% (Eurostat, 2025).
Il-pubblikazzjoni tal-Eurostat tkompli tenfasizza l-profil turistiku distintiv ta’ Malta meta mqabbel ma’ diversi destinazzjonijiet Mediterranji, fejn in-numru ta’ viżitaturi għadu kkonċentrat b’mod qawwi fix-xhur tas-sajf. Il-Kroazja rreġistrat 54.5% tal-iljieli annwali mqattgħin mit-turisti tagħha matul Lulju u Awwissu, segwita mill-Bulgarija (43.4%) u l-Greċja (41.6%), meta mqabbla mal-21.9% ta’ Malta.
Dawn ir-riżultati jkomplu jikkonfermaw b’mod indipendenti l-objettivi tal-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu ta’ Malta, li tqiegħed it-tkabbir sostenibbli, it-titjib fil-kwalità, it-tnaqqis fl-istaġjonalità u l-ħolqien ta’ valur akbar fil-qalba tal-iżvilupp turistiku tal-pajjiż.
L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta nnutat li dawn is-sejbiet ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin fl-Ewropa li tattira viżitaturi matul is-sena kollha. Dan juri li l-investiment kontinwu fid-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku, fl-esperjenzi ta’ kwalità u fil-marketing strateġiku tad-destinazzjoni qed ikompli jagħti riżultati konkreti kemm għall-industrija tat-turiżmu kif ukoll għall-ekonomija b’mod ġenerali.
Is-sejbiet imsemmija f’dan l-istqarrija huma bbażati fuq data ppubblikata mill-Eurostat fis-7 ta’ Lulju 2026.
Aktar informazzjoni hija disponibbli hawnhekk:
• Eurostat News: https://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-eurostat-news/w/ddn-20260707-1
• Seasonality in the Tourist Accommodation Sector (Statistics Explained): https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Seasonality_in_the_tourist_accommodation_sector