gov.mt

PR261165

PR261165

11/07/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru Chris Fearne maħtur bħala Chair tal-Commonwealth Ministerial Action Group


Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne ġie maħtur bħala Chair tal-Commonwealth Ministerial Action Group (CMAG), il-korp ministerjali responsabbli li jissorvelja l-impenn tal-pajjiżi membri lejn il-valuri u l-prinċipji stabbiliti fil-Commonwealth Charter, fosthom id-demokrazija, is-saltna tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Fil-kapaċità tiegħu ta’ Chair, il-Ministru Fearne ppresieda t-73 laqgħa tas-CMAG, li matulha ġew diskussi l-iżviluppi politiċi f’għadd ta’ pajjiżi membri tal-Commonwealth, b’attenzjoni partikolari għat-theddid lejn id-demokrazija u s-saltna tad-dritt. Il-laqgħa eżaminat ukoll il-passi meħtieġa biex ikomplu jissaħħu l-valuri u l-prinċipji tal-Commonwealth Charter madwar il-pajjiżi membri.

Qabel il-laqgħa, il-Ministru Fearne kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, l-Onor. Shirley Ayorkor Botchwey. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq kif il-Commonwealth jista’ jkompli jsaħħaħ il-funzjonijiet tiegħu biex jappoġġja lis-56 Stat Membru fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tal-governanza tajba. Ġew diskussi wkoll it-tħejjijiet għall-Commonwealth Heads of Government Meeting (CHOGM) li se jsir f’St John’s, Antigua u Barbuda.

Il-Ministru Fearne qal: “Il-Commonwealth jibqa’ pjattaforma unika li tgħaqqad pajjiżi minn kull reġjun tad-dinja madwar valuri komuni u impenn lejn il-Commonwealth Charter. Huwa privileġġ għal Malta li tkompli tmexxi s-CMAG f’mument fejn il-ħarsien tad-demokrazija, tas-saltna tad-dritt u tal-istituzzjonijiet demokratiċi qed jiffaċċja sfidi ġodda. Il-kooperazzjoni u d-djalogu jibqgħu l-aqwa għodod biex insaħħu dawn il-prinċipji u nibnu futur aktar stabbli u prosperu għall-pajjiżi membri.”

Il-Ministru Fearne tenna l-impenn ta’ Malta li tkompli tagħti kontribut attiv fi ħdan il-Commonwealth u li taħdem mill-qrib mas-Segretarjat u mal-pajjiżi membri biex tissaħħaħ il-ħidma favur il-prinċipji tal-Commonwealth Charter u l-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp sostenibbli.