gov.mt

PR261244

PR261244

24/07/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Persuni li ma jgħixux Malta u li jiksru l-liġi jistgħu jitneħħew minn Malta qabel tintemm il-btala tagħhom


​“M'g
ħandna nippermettu lil ħadd jabbuża mill-akkoljenza tagħna." Dan sostnih il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield hekk kif ġie ppubblikat Avviż Legali li jsaħħaħ il-miżuri favur l-ordni pubblika, is-sigurtà pubblika jew l-interess pubbliku.

 

Permezz tal-Avviż Legali l-ġdid, persuni li ma jgħixux Malta, li jeħlu multa jew multi on the spot ta' €200 jew aktar se jkollhom il-każ tagħhom riferut lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.

 

Wara li jikkunsidra ċ-ċirkostanzi tal-każ, dan ikun jista' jiddetermina jekk il-preżenza ta' dik il-persuna f'Malta hijiex kuntrarja għall-ordni pubblika, is-sigurtà pubblika jew l-interess pubbliku. F'dawk il-każijiet, ikun jista' jirtira l-permess tal-persuna biex tibqa' Malta u jordna t-tneħħija tagħha mill-pajjiż qabel tintemm il-btala tagħha.

 

Il-Ministru Glenn Bedingfield qal, “Malta tibqa' pajjiż miftuħ, akkoljenti u sigur. Nilqgħu b'idejna miftuħa lill-viżitaturi kollha li kull sena jagħżlu lil pajjiżna u li jirrispettaw il-liġijiet u l-komunitajiet tagħna. Iżda ma nistgħux u mhux se naċċettaw li numru żgħir ta' persuni jabbużaw mill-ospitalità tagħna, iġibu ruħhom b'mod irresponsabbli u jfixklu l-paċi pubblika. Min jagħżel li jikser il-liġi jew joħloq periklu għas-sigurtà pubblika għandu jkun jaf li se jiffaċċja konsegwenzi immedjati, inkluż li jitneħħa minn Malta qabel tmiem il-vaganzi tiegħu. Din hija miżura ta' sens komun li tipproteġi lir-residenti, lill-viżitaturi li jimxu mar-regoli u r-reputazzjoni ta' zpajjiżna."

 

Il-Ministru Bedingfield żied li din il-miżura tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Gvern favur l-ordni pubblika u s-sigurtà, filwaqt li żżomm bilanċ bejn l-ospitalità li tiddistingwi lil Malta u l-ħtieġa li min jabbuża minnha jinżamm responsabbli għal għemilu.

 

L-Avviż Legali jipprovdi wkoll garanziji proċedurali, fejn kull persuna affettwata minn tali deċiżjoni jkollha d-dritt tappella quddiem it-Tribunal kompetenti fi żmien ġurnata tax-xogħol min-notifika tad-deċiżjoni.