gov.mt

PR261295

PR261295

01/08/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Il-Biċċerija Pubblika terġa’ tilqa’ ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Maltese Sausage Day

Nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju, il-Biċċerija Pubblika fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku għat-tieni edizzjoni tal-Maltese Sausage Day. Attività li kompliet tiċċelebra u tippromwovi wieħed mill-aktar prodotti tradizzjonali u identitarji tal-gastronomija Maltija, iz-zalzett Malti.

Matul il-ġurnata, il-viżitaturi setgħu jgawdu minn għażla vasta ta’ prod​otti u riċetti bbażati fuq iz-zalzett Malti, ippreparati minn diversi entitajiet pubbliċi u privati. Fost dawn kien hemm ftajjar, wraps, pastizzi, burgers, pizza u diversi interpretazzjonijiet gastronomiċi oħra li wrew il-versatilità ta’ dan il-prodott tradizzjonali Malti.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo, li żar l-avveniment, qal li din l-attività kompliet tikkonferma kemm il-prodotti tradizzjonali Maltin għandhom potenzjal biex ikunu ċċelebrati u valorizzati permezz ta’ inizjattivi innovattivi. “Il-Maltese Sausage Day reġgħet tat prova ta’ kemm il-prodotti lokali tagħna għandhom valur u potenzjal. Permezz ta’ din l-attività komplejna nappoġġjaw lir-raħħala, lill-biċċiera u lill-industrija agroalimentari Maltija, filwaqt li saħħaħna l-identità gastronomika ta’ pajjiżna.

Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia qal li wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, il-Biċċerija Pubblika kompliet tinvesti f’inizjattivi li jqarrbu aktar lill-pubbliku lejn il-prodotti lokali u jsaħħu l-kollaborazzjoni mas-settur privat. Dawn l-inizjattivi jkomplu jqiegħdu lill-Biċċerija Pubblika bħala ċentru ta’ promozzjoni tal-prodotti Maltin u ta’ appoġġ lejn il-produtturi lokali,” qal Stefan Cachia.

Matul l-attività ma naqasx divertiment mużikali, kif ukoll attivitajiet għall-familji u għat-tfal, li għamlu minn din il-ġurnata waħda ta’ ċelebrazzjoni għall-komunità kollha. Il-pubbliku kellu wkoll l-opportunità jiltaqa’ ma’ produtturi lokali u jiskopri aktar dwar il-kwalità, il-versatilità u t-tradizzjoni li hemm wara wieħed mill-aktar prodotti emblematiċi tal-gastronomija Maltija.