gov.mt

PR261352

PR261352

17/08/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI​ Il-Karnival tas-Sajf 2026 jirritorna f'Buġibba u Wied il-Għajn bi 15-il karru



Il-Karnival tas-Sajf se jirritorna bejn il-21 u t-23 ta' Awwissu 2026 għal tliet serati ta' kulur, żfin, mużika u arti karnivaleska f'Buġibba u Wied il-Għajn. L-edizzjoni ta' din is-sena hija organizzata minn Festivals Malta, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u l-Kunsill Lokali ta' Marsaskala.

L-attivitajiet se jibdew f'Buġibba nhar il-Ġimgħa 21 u s-Sibt 22 ta' Awwissu, filwaqt li l-Karnival se jkompli f'Wied il-Għajn nhar il-Ħadd 23 ta' Awwissu.

Din is-sena, il-pubbliku se jkun jista' jgawdi 15-il karru tal-Karnival, adattati apposta għall-isfilati tas-sajf, flimkien ma' numru ta' kumpaniji taż-żfin. Permezz ta' din l-inizjattiva, il-kreattività u l-artiġjanat marbuta mal-Karnival jingħataw pjattaforma oħra matul is-sena, filwaqt li x-xogħol tal-artisti, il-karristi u ż-żeffiena jilħaq udjenzi ġodda.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, qal “Il-Karnival huwa parti importanti mill-identità kulturali tagħna u huwa frott it-talent u d-dedikazzjoni ta' mijiet ta' persuni. Bħala Gvern se nkomplu ninvestu f'dawn it-tradizzjonijiet biex mhux biss inħarsuhom, iżda nagħtuhom l-ispazju biex jikbru, jevolvu u jilħqu aktar nies. Il-Karnival tas-Sajf iwassal il-kultura direttament fil-komunitajiet u jagħmilha aktar aċċessibbli għall-familji, ir-residenti u l-viżitaturi."

F'Buġibba, nhar il-Ġimgħa 21 ta' Awwissu, l-isfilata se tibda fis-7.00pm minn Dawret il-Gżejjer u tkompli tul il-Promenade sal-Akwarju Nazzjonali ta' Malta. Is-Sibt 22 ta' Awwissu, l-isfilata titlaq fis-7.00pm mill-Akwarju u tkompli tul il-Promenade sa Triq il-Ħalel.

F'Wied il-Għajn, nhar il-Ħadd 23 ta' Awwissu, se tintuża rotta modifikata sabiex il-Karnival jilħaq aktar partijiet tal-lokalità. L-isfilata se tibda mill-parkeġġ taż-Żonqor, biswit il-pixxina, tgħaddi minn Triq iż-Żonqor lejn iċ-Ċimenta, taħt il-Knisja Parrokkjali, u tkompli fi Triq ix-Xatt.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Festivals Malta, Frans Agius qal li l-Karnival tas-Sajf iwessa' l-aċċess għal din it-tradizzjoni u jwassalha direttament fil-komunitajiet. Id-Direttur Artistiku tal-Karnival ta' Malta, Jason Busuttil, sostna li l-15-il karru u l-kumpaniji taż-żfin se jerġgħu jimlew it-toroq bil-kulur u l-enerġija sinonimi mal-Karnival Malti.

Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti, żur festivals.mt/karnival.