Sar tisbiħ f’madwar 10 kilometri ta’ spazji pubbliċi madwar Malta permezz ta’ programm estensiv ta’ interventi li wettqet l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi sa Lulju ta’ din is-sena.
B’kollox, l-Aġenzija wettqet mijiet ta’ interventi f’22 lokalità differenti, bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ispazji pubbliċi u toffri ambjent aktar sigur, nadif u akkoljenti għar-residenti u għall-viżitaturi.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlet il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, Dennis Vella, fi Ġnien Hubbard, Bormla, fejn ingħatat ħarsa lejn il-ħidma mwettqa mill-Aġenzija matul l-ewwel xhur tas-sena u l-interventi li komplew isaħħu l-kwalità tal-ispazji pubbliċi madwar il-pajjiż.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dawn l-interventi jirriflettu l-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti fi spazji pubbliċi ta’ kwalità li jtejbu l-ħajja ta’ kuljum tar-residenti u jkomplu jsaħħu l-esperjenza tat-turisti. “Meta ninvestu fl-ispazji pubbliċi nkunu qed ninvestu direttament fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Kull bank irranġat, kull promenade msebbħa u kull intervent li jagħmel l-ambjent aktar sigur u akkoljenti huwa investiment fil-komunitajiet tagħna u fil-familji Maltin u Għawdxin,” sostniet il-Ministru Zerafa Civelli.
Hija żiedet li l-Gvern se jkompli jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali u mal-entitajiet kollha konċernati biex aktar lokalitajiet ikomplu jibbenefikaw minn investimenti li jsebbħu l-pajjiż filwaqt li joffru spazji pubbliċi moderni, aċċessibbli u sostenibbli.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi Dennis Vella spjega li l-Aġenzija tkompli taħdem b’mod proattiv biex twettaq interventi ta’ manutenzjoni, tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi lokalitajiet, dejjem f’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u ma’ entitajiet pubbliċi oħra.
Matul il-perjodu bejn Jannar u Lulju, l-Aġenzija wettqet l-installazzjoni u rranġat madwar 500 bank, 30 arblu tad-dawl, 100 sinjal, 100 planter, kif ukoll bollards u bins. Barra minn hekk, twettqu xogħlijiet ta’ tisbiħ fuq 9,685 metru ta’ ħitan u sotto bank, flimkien mar-restawr u t-tiswija ta’ 2,524 metru ta’ railings f’diversi spazji pubbliċi. Minbarra dawn l-interventi, l-Aġenzija armat u żarmat madwar 800 bankarella li ntużaw waqt attivitajiet soċjali u kulturali organizzati fi 38 lokalità differenti madwar il-pajjiż.
Fl-istess perjodu, l-Aġenzija kienet ukoll responsabbli, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), mill-installazzjoni tal-assi fuq il-bajjiet, fosthom showers, tabelli u kontenituri għall-iskart.
L-Aġenzija kompliet ukoll tħaddan prattiki sostenibbli billi, fejn ikun possibbli, tirranġa u terġa’ tagħmel użu minn assi eżistenti, bħal bankijiet, minflok jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda.