Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja ħabbar illi ser jingħata bidu għall-proċess illi għandu jwassal għal Ċentru Terapewtiku Sigur li għandu l-għan illi joffri spazju ta’ tama, opportunità u sostenn għal żgħażagħ li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet emozzjonali u sfidi severa fl-imġieba tagħhom.
Is-sit identifikat għal dan il-proġett jinsab f’Tal-Ferħa, il-Għargħur, li kienet batterija militari u hija proprjetà tal-Gvern. B’hekk ser tingħata ħajja ġdida lil din il-binja storika.
Dan il-proġett ser joħloq faċilità residenzjali ddedikata għal 18-il żagħżugħ u żagħżugħa li jeħtieġu intervent terapewtiku sigur.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn fiha spjega kif għal dan il-Gvern kull realtà hija importanti. “Din hija ħolma oħra li ser tkun qed titwettaq. Kull żagħżugħ u żagħżugħa ser jingħataw pjan ta’ sostenn imfassal skont il-ħtiġijiet tagħhom, li jinkludi intervent terapewtiku, edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u anke aftercare wara l-programm,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tagħha d-Direttur Ġenerali, Alexia Vella saħqet dwar kif ser tkun qed tingħata t-tieni opportunità lil żgħażagħ li jkunu għaddejjin minn ċirkustanzi diffiċli. Dan f’ambjent sigur u terapewtiku, fejn ser jingħataw alternattiva pożittiva minn stil ta’ ħajja diffiċli, kif ukoll il-gwida, il-fiduċja u l-għodod meħtieġa biex jibnu futur aħjar.
Id-Direttur Ġenerali tkellmet dwar kif din l-inizjattiva ma hijiex sempliċiment faċilità ġdida, iżda mudell ta’ intervent li jgħaqqad diversi forom ta’ appoġġ taħt saqaf wieħed. ‘‘Kull deċiżjoni biex il-minorenni jintbagħtu fiċ-Ċentru tkun trid tiġi approvata mill-Qorti. Dan jiżgura li l-intervent ikun meħtieġ, proporzjonat u dejjem fl-aħjar interess tal-minorenni. Għaldaqstant dan iċ-Ċentru ser joffri appoġġ residenzjali mfassal għall-bżonnijiet ta’ kull żagħżugħ,” temmet tgħid Alexia Vella.