Il-Kumitat Festi Nazzjonali fi ħdan Festivals Malta qed iħabbar il-programm ta’ avvenimenti uffiċjali li jikkommemoraw Jum il-Vitorja bejn is-7 u t-8 ta’ Settembru 2026.
Nhar it-Tnejn, 7 ta’ Settembru, iċ-ċerimonji ta’ tifkira f’Jum il-Vitorja jibdew b’serata kommemorattiva f’Misraħ l-Assedju fil-Belt Valletta fis-7pm. Matul is-serata se jsir diskors tal-okkażjoni mill-Professur Adrian Grima. Fl-aħħar tas-serata ssir ċerimonja ta’ tqegħid ta’ kuruni mill-Prim Ministru, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, il-Kap tal-Oppożizzjoni, persuni distinti u korpi kostitwiti.
F’Jum il-Vitorja, it-Tlieta, 8 ta’ Settembru, iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew b’marċ fid-9:05am mill-Kontinġent u l-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta minn Misraħ il-Ħelsien fil-Belt Valletta sa Misraħ San Ġwann. Mal-wasla tal-President ta’ Malta, tingħata salut nazzjonali u ssir spezzjoni tal-Gwardja tal-Unur. Fid-9:30am issir quddiesa pontifikali mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann bis-sehem tal-President ta’ Malta.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu fil-Belt Valletta bit-tqegħid ta’ kuruna mal-monument tal-Assedju mill-President ta’ Malta, akkumpanjata miċ-Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali u s-Sindku tal-Belt Valletta f’Misraħ l-Assedju.
Wara, il-Kumitat Festi Nazzjonali jfakkar Jum il-Vitorja permezz ta’ tqegħid ta’ kuruna fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Paola fejn jiġu mfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan jiġi segwit minn ċerimonja simbolika fuq il-qabar tal-Vittmi tal-Assedju l-Kbir f’Forti Sant’Anġlu, il-Birgu. Wara jsir tqegħid ta’ kuruna mal-monument ta’ Malta Rebbieħa fl-Isla kif ukoll mal-Monument tal-Vitorja fil-Birgu. Iċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu bir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir organizzata mill-Kumitat Organizzattiv Regatta Malta u Sports Malta. Ir-regatta tibda fil-11:00am.