gov.mt

PR261438

PR261438

06/09/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Jinfetaħ uffiċjalment il-kampus permanenti ta’ Haileybury Malta fl-Imtarfa


Investiment ta’ madwar €19-il miljun li qed jagħti ħajja ġdida lill-eks Sptar Navali Rjali u jkompli jsaħħaħ l-offerta edukattiva internazzjonali f’Malta

Ilbieraħ ġie inawgurat uffiċjalment il-kampus permanenti ta’ Haileybury Malta fl-Imtarfa mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, proġett li permezz ta’ investiment ta’ madwar €19-il miljun biddel l-eks Sptar Navali Rjali fi skola internazzjonali moderna u sostenibbli.

Haileybury Malta fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel 50 student f’Settembru tal-2023, f’binja temporanja f’Ħal Tarxien. Tliet snin wara, l-iskola qiegħda tibda kapitlu ġdid fil-kampus permanenti tagħha fl-Imtarfa, minn fejn se toffri edukazzjoni mil-livell tan-Nursery sa livell ta’ Sixth Form.

Parti mill-investiment fil-proġett twettqet bl-appoġġ tal-Malta Development Bank, li mmobilizza €10 miljun permezz tal-Guaranteed Co-Lending Scheme sabiex jiġu ffinanzjati miżuri eliġibbli marbuta mal-azzjoni klimatika, is-sostenibbiltà ambjentali u l-infrastruttura. Wara r-riabilitazzjoni tagħha, il-binja hija mistennija tuża madwar 75% inqas enerġija primarja.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li dan il-proġett huwa mudell ta kif mhux biss jiġu ppreservati binjiet storiċi iżda jingħataw valur u ħajja ġdida. 

“Bħala persuna li għext f’dawn l-inħawi matul ħajti, huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nara din il-binja tingħata ħajja u skop ġdid, filwaqt li jiġu rispettati l-istorja u l-karattru tagħha. Dan huwa eżempju ċar tal-irwol li qed jieħu l-Gvern biex joħloq il-kundizzjonijiet u l-istrutturi finanzjarji meħtieġa sabiex investiment responsabbli jitwettaq u joħloq valur dejjiemi għal pajjiżna. Post li oriġinarjament inbena għall-kura tal-persuni llum sar post ta’ tagħlim u żvilupp,” qal Dr Borg.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-ftuħ ta’ dan il-kampus huwa pass importanti fit-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tal-opportunitajiet edukattivi disponibbli f’Malta.

“Il-ftuħ ta’ Haileybury Malta jkompli jwessa’ l-għażliet disponibbli għall-istudenti u l-familji f’pajjiżna. Irridu sistema edukattiva li toffri għażla, kwalità u standards għoljin, iżda fuq kollox nemmnu li l-valur veru tal-edukazzjoni jinsab f’dak li tagħti lill-istudenti. Fil-qalba tagħha għandu dejjem ikun hemm l-istudent u l-iżvilupp sħiħ tiegħu. Irridu nagħtuh pedamenti akkademiċi b’saħħithom, filwaqt li nrawmu l-kurżità u l-ħsieb kritiku, nibnu l-karattru u r-reżiljenza, u nagħtuh il-ħiliet u l-valuri biex iħares lejn il-futur b’kunfidenza. Għax fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess tal-edukazzjoni ma nkejluhx biss mir-riżultati u l-kwalifiki, iżda minn kemm inkunu ħejjejna lill-istudenti tagħna għall-ħajja,” qal Dr Camilleri.

Louise Salmond Smith, li tmexxi l-campus ta’ Haileybury f’Malta saħqet li l-livell ta’ esperjenza għall-istudenti kienet ċentrali fil-progress tagħhom f’pajjiżna “Ħdimna ħafna sabiex nallaċċjaw l-aqwa tas-sistema edukattiva Maltija ma’ dik tar-Renju Unit bil-għan li nservu l-familji u l-istudenti minn madwar id-dinja u dawk lokali bl-aqwa għodda biex jibqgħu mexjin ’il quddiem” qalet Smith.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg flimkien mal-Ministru Byron Camilleri rringrazzjaw lit-tmexxija ta’ Haileybury Malta u Haileybury UK, lill-Bord tal-Gvernaturi, lill-investituri, lill-Malta Development Bank, kif ukoll lil dawk kollha involuti fir-restawr tal-binja. Huma rringrazzjaw ukoll lill-komunità tal-Imtarfa li laqgħet lill-iskola u lill-familji tagħha.