Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja qed iniedi għall-konsultazzjoni pubblika l-Politika proposta dwar l-aftercare għal tfal f’kura alternattiva. Dan qed isir għall-ewwel darba fuq livell nazzjonali, bil-għan illi jitħejja qafas b’saħħtu li jservi ta’ tranżizzjoni mill-kura alternattiva lejn ħajja adulta indipendenti.
Dawn id-dettalji ħabbarhom il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kienet enfasizzata l-importanza li jibqa’ jingħata l-appoġġ eżistenti b’mod aktar koordinat u konsistenti.
Il-Ministru Michael Falzon spjega l-kuntest f’Malta fejn sas-sena l-oħra kien hemm ftit aktar minn 400 tifel u tifla f’kura alternattiva. Għaldaqstant dan ikompli joħroġ l-importanza ta’ mogħdijiet ċari u kontinwi ta’ appoġġ lejn ħajja adulta indipendenti.
“L-aftercare mhijiex privileġġ, iżda dritt. Din mhijiex biss politika ta’ appoġġ, iżda investiment fid-dinjità, fil-potenzjal u fil-futur taż-żgħażagħ tagħna. Flimkien nistgħu niżguraw li ż-żgħażagħ li joħorġu mill-kura jkollhom l-appoġġ, l-għodod, l-opportunitajiet u l-kunfidenza meħtieġa biex jibnu ħajja adulta indipendenti u pożittiva,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Fil-qalba tal-politika hemm il-proposta għal Aftercare Guarantee nazzjonali: pakkett ta’ 58 miżura proposti maħsuba biex jistabbilixxu livell konsistenti ta’ appoġġ essenzjali, kontinwità u aċċessibiltà. Il-Garanzija proposta hija maħsuba biex tibdel il-ħruġ mill-kura minn pass f’daqqa għal tranżizzjoni ppjanata u kontinwa. Skont il-maturità, is-sitwazzjoni, ir-rieda u l-preferenzi taż-żagħżugħ/a, it-tħejjija tista’ tibda madwar l-età ta’ 15-il sena permezz ta’ pjan ta’ tranżizzjoni individwalizzat, taħriġ fil-ħiliet tal-ħajja u l-għoti ta’ appoġġ minn mentor professjonali. Mill-età ta’ 16-il sena għandha ssir valutazzjoni formali tal-ħtiġijiet taż-żagħżugħ/a. Din twassal għat-tfassil ta’ Aftercare Plan, li għandu jkun formalizzat u lest għall-implimentazzjoni mill-inqas tnax-il xahar qabel ma ż-żagħżugħ/a jagħlqu t-18-il sena.
Min-naħa tagħhom id-Direttur Ġenerali Alexia Vella u d-Direttur Justin Facciol spjegaw kif il-pjan jitfassal flimkien maż-żgħażagħ mill-ħaddiem soċjali ewlieni tagħhom, b’kollaborazzjoni mal-mentor u mal-professjonisti rilevanti. Dan għandu jiġi rivedut u aġġornat hekk kif jinbidlu l-ħtiġijiet, iċ-ċirkostanzi u l-aspirazzjonijiet taż-żagħżugħ/a.
Is-seba’ pilastri tal-Garanzija jiffokaw l-aktar fuq l-ippjanar u tħejjija għall-aftercare, il-garanzija ta’ edukazzjoni, taħriġ jew impjieg, kontinwità fis-saħħa u l-benesseri, appoġġ finanzjarju u adegwat, akkomodazzjoni assistita, network b’saħħtu u qafas li jippermetti l-implimentazzjoni. L-implimentazzjoni tal-miżuri huwa propost li jsiru f’fażijiet bejn l-2026 u l-2030. Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ser tkun qed tara li jitwettqu dawn il-miżuri, filwaqt li jindirizzaw l-isfidi li jinħolqu u jiżguraw li l-implimentazzjoni tibqa’ konformi mal-għanijiet tal-politika.
Din il-politika hija miftuħa għall-konsultazzjoni sabiex care leavers, familji, professjonisti, l-awtoritajiet, u l-pubbliku jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi, il-fehmiet u l-proposti tagħhom. Il-konsultazzjoni pubbliku ser tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Ottubru, u kull min jixtieq jista’ jissottometti l-ħsibijiet tiegħu fuq is-sit https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/2026/NL-0033-2026.aspx.