gov.mt

pr261460

PR261460

10/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jersqu lejn tmiemhom ix-xogħlijiet f’Fond Għadir f’Tas-Sliema

​​​

Jinsabu fl-aħħar fażi x-xogħlijiet fuq il-ħajt f’Fond Għadir, li se jagħti dehra aktar kompluta lill-ħajt tul il-kosta ta’ Tas-Sliema, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-promenade u jipprovdi lqugħ aħjar kontra l-baħar qawwi.

L-intervent, li sar mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, sar wara li f’din iż-żona kien hemm periklu minn blat li kien jisporġi ’l barra u li kien instabbli, kif ukoll ħajt ieħor li kien fi stat ħażin ħafna. Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, dan il-periklu għall-pubbliku ġie indirizzat, filwaqt li l-promenade ġie imsaħħaħ biex ikun aktar protett mill-effetti tal-erożjoni kkawżata mill-mewġ.

Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, għamlet f’Fond Għadir flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi il-Perit Stephen Bonello, u s-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow. Matul iż-żjara ġew diskussi l-ħidma li saret u l-aħħar xogħlijiet li għad fadal biex jitlesta l-proġett.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-intervent huwa eżempju ieħor tal-ħidma li qed issir biex l-infrastruttura pubblika tkun aktar sigura, reżiljenti u taqdi aħjar lill-komunitajiet. “Qed inkomplu ninvestu f’infrastruttura li tagħti aktar sigurtà u serħan il-moħħ lill-pubbliku, filwaqt li nħarsu u nsaħħu l-ispazji pubbliċi li jintużaw kuljum mill-familji u r-residenti,” qalet il-Ministru.

Il-Ministru saħqet li l-Gvern se jkompli jagħti prijorità lill-manutenzjoni u t-tisħiħ tal-infrastruttura madwar Malta u Għawdex, b’ħidma kontinwa biex spazji pubbliċi importanti jkunu siguri u jkomplu joffru ambjent ta’ kwalità lill-komunitajiet.

Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, il-Perit Stephen Bonello, spjega li l-intervent kien jinvolvi xogħol preparatorju u strutturali, inkluż it-tħejjija tal-pedamenti għall-kostruzzjoni tal-ħajt, sabiex tissaħħaħ l-istabbiltà tal-infrastruttura f’din il-parti tal-kosta.

Min-naħa tiegħu, il-Perit Mark Camilleri spjega li l-proġett issa jinsab fl-aħħar fażi ta’ implimentazzjoni, bil-kuntrattur qed iwettaq l-aħħar xogħlijiet ta’ tlestija qabel ma jingħalaq ix-xogħol.

Is-Sindku ta’ Tas-Sliema, John Pillow, irringrazzja lill-Ministeru u lid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-ħidma li saret f’din iż-żona, filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ interventi li jkomplu jtejbu s-sigurtà u l-kwalità tal-ispazji pubbliċi għall-komunità.

Il-proġett sar b’investiment ta’ €165,877 u kien jinvolvi interventi fuq l-infrastruttura eżistenti, fosthom l-iskavar tal-blat instabbli, il-bini tal-pedamenti u l-kostruzzjoni tal-ħajt. Bħalissa, il-kuntrattur qed itemm l-aħħar xogħlijiet ta’ tlestija, fosthom it-tqegħid tal-konkos fuq parti mill-ħajt, qabel ma jingħalaq kompletament il-proġett. Ladarba jitlestew dawn l-aħħar interventi, il-proġett ikun kompletament magħluq u din il-parti tal-promenade tkun aktar sigura u msaħħa, b’protezzjoni aħjar kontra l-qawwa tal-baħar u l-effetti tal-erożjoni.