gov.mt

PR261500

PR261500

17/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX F’Ottubru, Opera is Gozo 2026 tkompli tagħti ħajja lil Għawdex permezz tal-mużika, il-kultura u t-tradizzjoni operistika

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda uffiċjalment il-programm Opera is Gozo 2026, li għal sena oħra, matul ix-xahar ta' Ottubru, se joffri spettaklu ta' kwalità filwaqt li jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni tal-gżira Għawdxija bħala ċentru ta' eċċellenza kulturali.

Il-Ministru Camilleri qal li, “F'Ottubru, Għawdex jiċċelebra t-tradizzjoni operistika tiegħu, u jilqa' udjenzi minn Malta u minn barra minn xtutna biex igawdu wirjiet ta' kwalità eċċezzjonali f'atmosfera li hija tassew unika għal din il-gżira. Filwaqt li ngawdu l-programm ta' din is-sena, inħeġġeġ lil kulħadd jesperjenza mhux biss il-wirjiet tal-Opra, iżda wkoll il-karattru uniku, l-ospitalità u l-wirt ta' gżiritna. Opera is Gozo mhuwiex biss sensiela ta' attivitajiet. Huwa ċelebrazzjoni tan-nies tagħna, tal-kreattività tagħna u tal-wirt kulturali li b'sodisfazzjon naqsmu mal-bqija tad-dinja."

Il-qofol artistiku tal-istaġun se jkun karatterizzat minn żewġ produzzjonijiet operistiċi ewlenin. Fis-17 ta' Ottubru, La Traviata ta' Giuseppe Verdi se tittella' fit-Teatru tal-Opra Aurora, u se ġġib fuq il-palk waħda mill-aktar stejjer maħbuba u emozzjonanti tar-repertorju operistiku. Aktar tard matul ix-xahar, fid-29 u l-31 ta' Ottubru, Madama Butterfly ta' Giacomo Puccini se tittella' fit-Teatru Astra, bi produzzjoni li twiegħed li tolqot lill-udjenzi bil-qawwa emozzjonali tagħha u s-sbuħija mużikali li għamlitha klassika tal-opra.

Il-Ministru Camilleri spjega li dawn iż-żewġ produzzjonijiet se joffru serati memorabbli ta' mużika u teatru, u jkomplu juru l-livell artistiku għoli li bih Għawdex jospita dan il-ġeneru tant importanti għall-identità kulturali tagħna. Huwa esprima wkoll l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha li jagħtu l-kontribut tagħhom biex ta' kull sena jittella' l-programm Opera is Gozo u li permezz tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom, ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni ta' Għawdex bħala destinazzjoni kulturali ta' eċċellenza.

Il-programm ta' din is-sena jkompli jirrifletti r-rikkezza u d-diversità tal-kalendarju kulturali Għawdxi. Minbarra l-produzzjonijiet operistiċi, Opera is Gozo se jkun jinkludi wkoll kunċerti, wirjiet, lekċers, recitals u attivitajiet li jiċċelebraw il-wirt artistiku tal-gżira, filwaqt li jħeġġu udjenzi ġodda jiskopru l-ġmiel tal-opra.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi awgura lil dawk kollha li se jattendu għal Opera is Gozo 2026 esperjenza memorabbli.​​

Wieħed jista' jaċċessa aktar informazzjoni dwar Opera is Gozo 2026 minn https://eventsingozo.com/opera-is-gozo-2026/#programme-booklet jew mill-App Events in Gozo.