Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma' martu Dr Lydia Abela ltaqgħu ma' membri tal-komunità Maltija u Għawdxija fi New York waqt żjara fiċ-Ċentru tal-Maltin f'Astoria, bħala parti mill-impenji tagħhom fi New York għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Il-Prim Ministru u martu kellhom l-opportunità jitkellmu ma' Maltin u Għawdxin li ilhom jgħixu fl-Istati Uniti għal bosta snin, kif ukoll ma' ġenerazzjonijiet iżgħar ta' familji Maltin li komplew iżommu rabta qawwija ma' Malta.
F'messaġġ lill-komunità, il-Prim Ministru Robert Abela esprima l-apprezzament tiegħu għall-mod kif, minkejja d-distanza, il-komunità baqgħet iżżomm ħajja l-identità, il-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin. Huwa rringrazzja b'mod partikolari lil dawk kollha li b'mod volontarju jagħtu sehemhom fil-ħidma taċ-ċentru u f'inizjattivi oħra li jkomplu jġibu flimkien lill-komunità Maltija u Għawdxija fi New York.
Iċ-Ċentru tal-Maltin f'Astoria, li huwa mmexxi minn voluntiera, twaqqaf fl-1979 biex jipprovdi spazju fejn il-komunità Maltija tkun tista' tiltaqa' u żżomm ħajjin il-lingwa, il-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin. Matul is-snin baqa' jospita diversi attivitajiet kulturali u soċjali, fosthom ukoll tagħlim tal-lingwa Maltija.
Il-Prim Ministru saħaq fuq l-importanza li l-lingwa Maltija tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, partikolarment fost tfal u żgħażagħ Maltin li twieldu u trabbew barra minn Malta. Fil-fatt, Dr Abela qal li l-Maltin u l-Għawdxin li stabbilixxew ħajjithom barra minn pajjiżna jibqgħu parti importanti mill-istorja u mill-identità ta' Malta, filwaqt li nnota li l-kontribut tagħhom fil-pajjiżi fejn għexu u ħadmu huwa wkoll xhieda tal-valuri u l-ħidma tal-poplu Malti.
“Il-fatt li, eluf ta' kilometri 'l bogħod minn Malta, tibqgħu żżommu ħajjin it-tradizzjonijiet tagħna u fuq kollox is-sens ta' komunità huwa xi ħaġa li tagħmilna kburin," qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll dwar l-importanza tat-titjira diretta bejn Malta u New York, li qed tkompli ssaħħaħ il-konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi. Dr Abela qal li l-Gvern qed jaħdem biex jassigura ftehim fit-tul għal din ir-rotta, bil-għan li tkompli titjieb il-konnettività, tissaħħaħ ir-rabta mal-komunità Maltija fl-Istati Uniti u jinħolqu aktar opportunitajiet biex Malta tattira turiżmu ta' kwalità.
Huwa temm billi ħeġġeġ lill-komunità tkompli ssaħħaħ ir-rabta tagħha ma' Malta u tgħaddi dan is-sens ta' appartenenza lill-ġenerazzjonijiet ta' warajha.
Ritratti: OPM