Ir-Rabat Għawdex ġiet irrakkomandata biex tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031 f’Malta, wara l-laqgħa finali tal-għażla li saret illum fil-Belt Valletta.
Dan jimmarka pass importanti fil-vjaġġ kulturali ta’ Malta, tmien snin wara li l-Belt Valletta kellha t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.
It-tħabbira saret fil-Valletta Design Cluster, wara preżentazzjonijiet li saru minn Victoria 2031 Għawdex lill-bord Ewropew, fil-preżenza tal-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Maria Elena Despott, il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, kif ukoll iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef u Catherine Tabone rispettivament.
Il-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031 se jpoġġi lir-Rabat Għawdex fiċ-ċentru ta’ programm ta’ attivitajiet kulturali li se jkopri sena sħiħa, u li se jgħaqqad flimkien artisti, organizzazzjonijiet kulturali, komunitajiet u msieħba minn Malta u minn madwar l-Ewropa.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “L-għażla ta’ Victoria bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2031 hija opportunità kbira biex il-kultura, it-tradizzjonijiet, l-artisti u t-talenti Għawdxin jitpoġġew fiċ-ċentru tal-attenzjoni Ewropea. Issa jibda l-aktar vjaġġ importanti, li l-viżjoni tinbidel f’azzjoni konkreta u li l-benefiċċji ta’ Victoria 2031 jibqgħu jinħassu ferm lil hinn mill-2031. L-akbar suċċess ikun li ż-żgħażagħ, l-artisti, u n-nies kollha ta’ Għawdex ikunu protagonisti ta’ dan il-proġett. Prosit lil kull min ħadem għal dan il-kisba. Victoria 2031 tista’ tkun kapitlu ġdid sabiħ għall-kultura Għawdxija u opportunità biex Għawdex ikompli jaqsam l-identità u l-istorja tiegħu mal-Ewropa u mad-dinja”.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea qal li, “Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura hija ferm aktar minn titlu għal sena waħda. Hija opportunità biex ninvestu fin-nies, fl-artisti, fil-komunitajiet u fil-futur kulturali ta’ pajjiżna. L-ambizzjoni tagħna hija li din il-mixja tħalli legat dejjiemi, b’aktar opportunitajiet għas-settur kulturali, komunitajiet aktar b’saħħithom u vuċi Maltija u Għawdxija dejjem aktar preżenti fix-xena kulturali Ewropea. Bħala Gvern, aħna impenjati li nappoġġaw din il-mixja lejn l-2031 u li niżguraw li Victoria 2031 tħalli impatt kulturali li jibqa’ jinħass għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
L-għażla finali saret wara proċess li beda bis-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet mill-bliet Maltin. Ir-Rabat Għawdex ġiet magħżula biex tkompli l-proċess fl-ewwel fażi tal-għażla tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031 li saret f’Novembru tal-2025, u sussegwentement żviluppat il-proposta finali tagħha biex tiġi kkunsidrata mill-bord tal-esperti maħtura mill-Kummissjoni Ewropea.
L-inizjattiva tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għandha l-għan li tenfasizza r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej u l-valuri kulturali komuni li jgħaqqdu lill-Ewropej, filwaqt li ssaħħaħ il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet u l-komunitajiet tagħhom.
It-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura huwa wieħed mill-inizjattivi kulturali ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Minn mindu twaqqfet fl-1985, din l-inizjattiva ppermettiet lill-bliet madwar l-Ewropa juru d-diversità kulturali tagħhom, jiżviluppaw sħubiji Ewropej, iwessgħu l-parteċipazzjoni fil-kultura u jużaw il-kultura bħala mutur għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u urban fit-tul.