gov.mt

PR261540

PR261540

24/09/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Il-President ta’ Malta tgħarraf li:

Wara li fis-17 ta' Lulju 2026 saret sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Dr Clifton Grima għall-ħatra ta' żewġ imħallfin ġodda, li l-applikazzjonijiet għaliha kienu jagħlqu fis-7 ta' Awwissu 2026, fis-7 ta' Settembru 2026 ingħatajt Rapport ai termini tal-Artikolu 96A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta' Malta datat ukoll 7 ta' Settembru 2026, maħruġ mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura mwaqqaf bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni ta' Malta: dan wara żewġ laqgħat tal-istess Kumitat, waħda interna fejn ġie diskuss il-proċess intern ta' implimentazzjoni u laqgħa oħra li saret nhar l-Erbgħa 2 ta' Settembru 2026 fejn ġew intervistati u evalwati l-wieħed u għoxrin (21) persuna eleġibbli li ssottomettew espressjoni ta' interess għal din il-ħatra.

Dan ir-Rapport poġġa għall-kunsiderazzjoni tiegħi l-ismijiet ta' tliet kandidati li skont ir-rapport kienu l-aktar idonei għal din il-ħatra u minn dawn it-tliet ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta' Malta l-President ta' Malta jagħżel wieħed.

It-tliet ismijiet imressqa f'ordni alfabetiku li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli għall-kariga ta' mħallef kienu dawn:

  1. Maġistrat Leonard Caruana
  2. Maġistrat Elaine Rizzo, u
  3. Maġistrat Gabriella Vella.

Minn dawn it-tliet ismijiet jiena għażilt dak ta' Leonard Caruana.

Fis-17 ta' Settembru 2026 għarraft lill-Kumitat li l-għażla tiegħi skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) kienet ta':

Maġistrat Leonard Caruana

Sussegwentament nhar it-22 ta' Settembru 2026 is-Segretarju tal-Kumitat wassalli t-tieni Rapport dettaljat,  naxxenti wkoll dan ir-Rapport, mil-laqgħa tal-Kumitat tat-2 ta' Settembru 2026, fejn saru l-intervisti individwali mal-kandidati, bl-ismijiet skont l-Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta' Malta ta' tliet kandidati li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar idonei u meritevoli għall-kariga ta' mħallef.

It-tliet ismijiet f'ordni alfabetiku kienu dawn:

  1. Maġistrat Jean Paul Grech
  2. Maġistrat Rizzo Elaine, u
  3. Maġistrat Gabriella Vella.

L-għażla tiegħi minn dawn it-tliet ismijiet skont l-istess Artikolu 96 A (6) (d) tal-Kostituzzjoni ta' Malta hija ta':

Maġistrat Elaine Rizzo

Billi skont l-Artikolu 96 (1) tal-Kostituzzjoni l-Imħallfin tal-Qrati Superjuri jiġu maħtura mill-President li jaġixxi fuq rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat dwar Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilit bl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni, il-President taħtar, f'ordni alfabetiku lis-segwenti persuni sabiex iservu ta' mħallfin tal-Qrati Superjuri:

            Maġistrat  Leonard Caruana

            Maġistrat Elaine Rizzo

L-ismijiet tal-Kandidati li fl-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura kienu idonei u meritevoli u li tressqu għall-għażla tal-President bil-proċedura stabbilita mill-Artikolu 96 A (6) (d) u li skont l-istess Artikolu huwa mistenni li jiġu ppubblikati huma dawk li jidhru aktar 'il fuq f'din l-istqarrija.

B'dan ikun dikjarat illi l-ħatra ta' żewġ imħallfin skont is-sejħa pubblika maħruġa mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, fis-17 ta' Lulju 2026 ġiet sodisfatta u eżawrita.​

Il-President tifraħ lill-Ġudikanti Mħallfin ġodda u tirringrazzja lill-membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura għax-xogħol metikoluż li wettqu.

​