Kollaborazzjoni bejn Malta, Wales u l-Ġappun biex jissaħħaħ l-iskambju ta' għarfien, riċerka u innovazzjoni
Malta laqgħet rappreżentanti minn Wales u l-Ġappun għall-ewwel żjara Tri-Nation, inizjattiva mmirata lejn it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni internazzjonali fl-oqsma tal-anzjanità attiva, id-dimensja, ir-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.
Iż-żjara, li qed issir bejn l-24 u l-25 ta' Settembru bit-tema “Living Well with Dementia Now and Reducing the Risk for the Future", qed tlaqqa' flimkien esperti u professjonisti mit-tliet pajjiżi sabiex jaqsmu l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom, filwaqt li jidentifikaw opportunitajiet konkreti għal aktar kollaborazzjoni fil-futur.
Waqt li laqa' lid-delegazzjonijiet f'Malta, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Dr Deo Debattista, saħaq fuq l-importanza li t-teknoloġija u l-innovazzjoni jkomplu jintużaw biex isaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni anzjani.
“L-għan tagħna għandu jibqa' wieħed ċar: li kull innovazzjoni li ndaħħlu fis-servizzi tagħna tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-persuna. It-teknoloġija tista' tgħin lill-anzjani jibqgħu aktar indipendenti u konnessi mal-komunità, filwaqt li toffri appoġġ importanti lill-familji, lill-carers u lill-professjonisti," qal is-Segretarju Parlamentari Debattista.
Bħala parti mill-programm, id-delegazzjonijiet żaru l-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), fejn ġiet ippreżentata l-ħidma li qed issir f'Malta fil-qasam tal-anzjanità attiva u s-servizzi marbuta mad-dimensja. Saru wkoll preżentazzjonijiet dwar l-esperjenza ta' Wales u dwar riċerka li qed titwettaq mill-Institute of Science Tokyo.
Id-delegazzjoni żaret ukoll Dar il-Ġmiel fl-Imtarfa, fejn ġiet ippreżentata s-Smart Care Demo Room u ntwerew soluzzjonijiet li jesploraw kif it-teknoloġija tista' tintuża b'mod prattiku fil-kura u l-appoġġ lill-persuni anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li l-kollaborazzjoni bejn pajjiżi differenti toħloq opportunità biex jinqasmu esperjenzi u prattiċi li jistgħu jwasslu għal servizzi aħjar.
“L-ebda pajjiż ma għandu t-tweġibiet kollha. Permezz ta' kollaborazzjonijiet bħal dawn nistgħu nitgħallmu minn xulxin, nifhmu aħjar il-ħtiġijiet tal-persuni anzjani u nidentifikaw inizjattivi li jistgħu jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tagħhom," qal Dr Debattista.
Matul iż-żjara qed isiru wkoll diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti tat-tliet pajjiżi sabiex jiġi identifikat qasam ċar ta' kooperazzjoni u jiġu stabbiliti l-passi li jmiss. L-għan huwa li jinbena qafas ta' kollaborazzjoni bejn Malta, Wales u l-Ġappun, bi prijoritajiet u kontributi definiti, li jista' jwassal għall-iżvilupp ta' inizjattiva konġunta u opportunitajiet ta' finanzjament fil-futur.