Fl-aħħar jiem saru diversi kummenti u pubblikazzjonijiet dwar Il-Kategorizzazzjoni tal-Bdiewa li taw stampa mhux sħiħa tal-proċess, u xi drabi skorretta, implimentata mill-Gvern.
Il-Ministeru jixtieq jikkjarifika li l-kategorizzazzjoni ma ġietx introdotta biex toħloq ostakli, iżda biex tidentifika b'mod ġust u trasparenti min qed iwettaq attività agrikola ġenwina. Il-prijorità tas-sistema hija li l-appoġġ pubbliku jasal għand dawk li verament jaħdmu fis-settur.
Kuntrarjament għal dak li qed jiġi allegat, il-proċess ma ġiex impost mingħajr konsultazzjoni. Bejn l-2023 u l-2026 saru diversi laqgħat mal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Agrikoltura u ma' organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur, filwaqt li l-proposti ġew diskussi qabel daħlu fis-seħħ.
Lanqas ma huwa minnu li l-Gvern ma semax it-tħassib tal-bdiewa. Permezz tal-Avviż Legali 205 tal-2026 ġew introdotti emendi li ssimplifikaw il-proċess, filwaqt li nżammu l-prinċipji ta' ġustizzja u trasparenza.
Il-mekkaniżmu ta' Standard Output huwa indikatur użat fuq livell Ewropew biex jitkejjel il-livell ta' attività agrikola. Fl-istess ħin, l-emendi reċenti introduċew żewġ prinċipji importanti:
(i) aktar flessibbiltà, inkluża l-possibbiltà li jiġu kkunsidrati dokumenti fiskali sabiex il-kategorizzazzjoni tirrifletti aħjar il-bejgħ u d-dħul minn produzzjoni agrikola kummerċjali.
(ii) tneħħa t-terminu ta' skadenza għat-talbiet ta' reviżjoni fil-kategorizzazzjoni sabiex kull bidwi jingħata opportunità addizzjonali biex il-każ tiegħu jiġi evalwat. Se jiġu ppubblikati wkoll linji gwida biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli.
Il-Gvern se jkompli jżomm il-bibien miftuħa għad-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-bdiewa u mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-settur, inkluża assistenza individwali lill-bdiewa. Fil-fatt, il-Ministeru qed jipprovdi wkoll servizzi ta' konsulenza u gwida mingħajr ħlas permezz ta' AgriConnect.
Il-prijorità tal-Gvern kienet, għadha u se tibqa' ħidma konkreta favur bdiewa li l-għajxien tagħhom jiddependi mill-biedja. Miżuri li jagħtu aktar opportunitajiet u sigurtà lill-komunità agrikola Maltija jissarrfu wkoll f'investiment dirett fil-kwalità tal-ikel li nieklu u s-sigurtà tal-ikel ta' pajjiżna.