gov.mt

PR261550

PR261550

25/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Malta u ċ-Ċina jsaħħu l-kollaborazzjoni fl-edukazzjoni tat-turiżmu


Delegazzjoni minn Nanjing Institute of Tourism and Hospitality iżżur Malta biex tkompli tibni fuq il-kollaborazzjoni mal-Institute of Tourism Studies

 

Il-Ministeru għat-Turiżmu laqa' f'Malta delegazzjoni minn Nanjing Institute of Tourism and Hospitality (NITH), immexxija mill-President u Professur Cao Yang, fi żjara ffukata fuq it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ma' Malta fl-oqsma tat-turiżmu, l-ospitalità, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.

 

Matul iż-żjara, id-delegazzjoni kellha laqgħat u attivitajiet mal-Institute of Tourism Studies (ITS), inklużi skambju ta' għarfien, taħriġ prattiku u diskussjonijiet dwar aktar opportunitajiet ta' kollaborazzjoni. Din il-ħidma taqa' wkoll fil-qafas tal-enfasi tal-ITS fuq l-internazzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp ta' forza tax-xogħol professjonali u mħarrġa fis-settur turistiku.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li l-kollaborazzjoni bejn l-ITS u n-NITH toffri opportunitajiet konkreti għaż-żgħażagħ biex jiksbu edukazzjoni, taħriġ u esperjenza internazzjonali. “L-investiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet huwa investiment fil-futur tat-turiżmu. Permezz ta' sħubijiet bħal dik bejn l-ITS u n-NITH, qed noħolqu pontijiet bejn Malta u ċ-Ċina u nagħtu liż-żgħażagħ tagħna opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f'ambjent internazzjonali", tenna l-Ministru Abela

 

Il-Ministru żied jgħid li l-kooperazzjoni edukattiva tikkontribwixxi wkoll għal relazzjonijiet aktar b'saħħithom bejn il-popli. Spjega, kif it-turiżmu jgħaqqad in-nies, il-kulturi u l-ideat. Meta studenti u akkademiċi jiltaqgħu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, inkunu qed nibnu rabtiet li jmorru lil hinn mill-klassi u li jistgħu jdumu għal ħafna snin.

 

Il-Ministru rringrazzja lill-President Cao Yang u lid-delegazzjoni tan-NITH għaż-żjara tagħhom f'Malta kif ukoll lill-ITS għall-ħidma kontinwa biex tissaħħaħ din il-kollaborazzjoni.

 

“Aħna nħarsu 'l quddiem biex inkomplu nibnu fuq din is-sħubija u nesploraw aktar opportunitajiet li jsaħħu l-edukazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza internazzjonali tal-istudenti tagħna", temm jgħid Dr Abela.

 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech qal kif dan il-ftehim huwa żieda importanti mas-sħubijiet li l-ITS stabbilixxa matul is-snin u jkompli jappoġġja t-tkabbir tagħna fix-xena internazzjonali. Dan se jagħti lill-istudenti tan-Nanjing Institute of Tourism and Hospitality l-opportunità li jkomplu l-istudji tagħhom fl-ITS f'Malta, fejn ikunu jistgħu jsegwu grad fl-International Hospitality Management, programm rikonoxxut internazzjonalment li qed ikompli jiġbed interess qawwi.

 

Cao Yang, President u Professur fin-NITH, qal li din iż-żjara tat l-opportunità li jaraw l-esperjenza qawwija tal-ITS fit-tħejjija tal-istudenti għal karrieri internazzjonali fit-turiżmu u l-ospitalità, filwaqt li ppermettiet liż-żewġ istituzzjonijiet jallinjaw il-passi li jmiss tal-kooperazzjoni tagħna.

 

Il-mudell 2+2 jgħaqqad l-għarfien espert tan-NITH fl-edukazzjoni vokazzjonali mal-edukazzjoni Ewropea u t-tagħlim ibbażat fuq l-industrija tal-ITS, u jagħti lill-istudenti opportunitajiet siewja biex isaħħu l-ħiliet professjonali tagħhom u l-esperjenza internazzjonali tagħhom.

 

“Qed inħarsu 'l quddiem biex insaħħu aktar din il-kollaborazzjoni permezz tal-iżvilupp konġunt tal-kurrikulu, skambji tal-persunal u riċerka," temm jgħid is-Sur Yang.

​