Żewġ ambaxxaturi ġodda ppreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.
Dawn huma:
L-Eċċellenza Tagħha Anke J. Ter Hoeve – van Heek, Ambaxxatriċi tar-Renju tan-Netherlands,
u,
L-Eċċellenza Tiegħu Peter Kmec, Ambaxxatur għar-Repubblika tas-Slovakkja.
Waqt il-laqgħa mal-Ambaxxatriċi tar-Renju tan-Netherlands, il-President ta’ Malta tkellmet dwar il-kooperazzjoni bilaterali b’saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi f’oqsma ta’ interess komuni bħall-kummerċ u l-konnettività.
Fuq skala multilaterali, ġew diskussi r-relazzjonijiet b’saħħithom u opportunitajiet għal aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Matul il-laqgħa mal-Ambaxxatur ġdid tas-Slovakkja għal Malta, l-Eċċellenza Tagħha tkellmet dwar il-kultura u r-relazzjoni ta’ bejn il-popli, bħala opportunitajiet fejn il-kooperazzjoni bilaterali tista’ tissaħħaħ.
L-Ambaxxatur Slovakk qabel ma’ dan u rrimarka kif is-Slovakkja ser tagħmel pass importanti biex issaħħaħ dawn ir-relazzjonijiet, bl-impenn ta’ pajjiżu li jiftaħ l-ewwel uffiċċju konsolari f’Malta fiż-żmien li ġej.
Fiż-żewġ laqgħat sar aċċenn għall-ħidma multilaterali li għaddejja bi tħejjija għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li bejn l-2029 u l-2030 ser tkun preseduta min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta.
Il-President Myriam Spiteri Debono ferħet liż-żewġ Ambaxxaturi ġodda għall-ħatra tagħhom, u awguratilhom ħidma ta’ ġid.