gov.mt

pr261554

PR261554

25/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR

​

Investiment ta’ €7.4 miljun biex tissaħħaħ il-kapaċità u t-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Malta

Investiment ta’ madwar €7.4 miljun, kofinanzjat minn fondi Ewropej, qed ikompli jsaħħaħ il-kapaċità operattiva, it-taħriġ u t-teknoloġija tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM).

Dan l-investiment jinkludi €4.28 miljun fil-Mid-Life Upgrade tal-ajruplani King Air tal-AFM, kif ukoll €3.2 miljun f’Ground Simulator Training Device, li se joffri lill-ekwipaġġi tal-AFM faċilità speċjalizzata għat-taħriġ u l-prattika ta’ proċeduri operattivi.

Bl-aġġornament tat-tielet ajruplan, il-flotta kollha tal-King Air issa ġiet modernizzata, u b’hekk tkompli tissaħħaħ il-kapaċità ta’ Malta biex twettaq missjonijiet ta’ sorveljanza, sigurtà u kontroll tal-fruntieri.

Il-Ground Simulator Training Device huwa l-ewwel flight simulator ta’ dan it-tip għall-Forzi Armati ta’ Malta u l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta. Permezz tiegħu, l-ekwipaġġi jkunu jistgħu jkomplu jħarrġu u jipprattikaw f’ambjent apposta, filwaqt li jżommu u jsaħħu l-livell għoli ta’ kompetenza meħtieġ għall-qadi sigur u effettiv tal-missjonijiet tagħhom.

Waqt l-attività, il-Ministru għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Glenn Bedingfield qal li dan l-investiment huwa prova konkreta tal-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tas-sigurtà ta’ pajjiżna.

“Aħna ninvestu fit-tagħmir, ninvestu fit-teknoloġija u ninvestu fit-taħriġ, iżda fuq kollox ninvestu fin-nies. Għax huwa n-nies li jagħtu l-ħajja lil kull investiment li nagħmlu. Tagħmir modern waħdu ma joħloqx kapaċità operattiva; għandek bżonn nies imħarrġa, kompetenza u tħejjija kontinwa. Għalhekk, se nibqgħu ninvestu fit-taħriġ u fin-nies tal-Forzi Armati ta’ Malta, li kuljum b’dedikazzjoni u professjonalità jaqdu dmirhom biex iżommu lil pajjiżna sigur.”

Il-Ministru Bedingfield qal li l-investiment qed isir f’kuntest ta’ responsabbiltà partikolari li Malta għandha bħala pajjiż gżira fiċ-ċentru tal-Mediterran u bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Bedingfield fakkar ukoll li dan il-proġett kien fost il-wegħdi fil-qasam tas-sigurtà fil-Manifest Elettorali u qed jitwettaq fl-ewwel xhur tal-leġiżlatura.

Huwa rringrazzja lill-Kap Kmandant u lill-membri kollha tal-Forzi Armati ta’ Malta għall-kontribut tagħhom fit-twettiq ta’ dan il-proġett.

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, Djalogu Soċjali u Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti qal li “l-fondi Ewropej jagħmlu l-akbar differenza meta jiġu tradotti f’kapaċitajiet konkreti li jsaħħu lil pajjiżna u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-poplu tagħna. Dan l-investiment ta’ €7.4 miljun qed iwassal proprju għal dan: il-modernizzazzjoni tal-flotta tal-ajru tal-Forzi Armati ta’ Malta, filwaqt li qed tintroduċi wkoll kapaċità ġdida u storika ta’ taħriġ għall-ekwipaġġi tagħha. Dan mhuwiex biss investiment fit-teknoloġija u fl-infrastruttura, iżda, fuq kollox, investiment fin-nies li joperaw dawn il-kapaċitajiet u fit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ Malta li tkompli tikkontribwixxi għas-sigurtà ta’ pajjiżna u tal-Unjoni Ewropea.”

Min-naħa tiegħu l-Kap Kmandat tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton o’Neil qal li, “Dawn iż-żewġ proġetti u proġetti oħrajn għandhom jirrappreżentaw d-determinazzjoni tagħna li niżguraw li l-irġiel u n-nisa fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta jkunu pprovduti bl-apparat, bit-teknoloġija u bit-taħriġ meħtieġ biex iwettqu r-responsabbiltajiet fdati lilhom bl-iktar mod aktar sikur u effiċjenti.”


​