B’risposta għal dak li ġie rrappurtat li qal il-Partit Momentum, il-Ministeru għal Għawdex jiċċara li x-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tal-widien li wħud minnhom ilhom ma jitnaddfu għexieren ta’ snin saru permezz ta’ proċessi formali u trasparenti.
B’kollox tnaddfet mill-veġetazzjoni żona ta’ aktar minn 23,000m² u s’issa nġabar aktar minn 34,000m³ ta’ skart/terrapien. L-użu tal-makkinarju huwa indispensabbli għat-tneħħija ta’ ammonti daqstant kbar ta’ skart u terrapien, u ma jagħmilx sens li wieħed jippretendi li kwantità ta’ dan id-daqs tista’ titneħħa bl-idejn.
Il-permessi u l-approvazzjonijiet neċessarji nkisbu mill-awtoritajiet kompetenti inkluż l-Awtorità tal-Ippjanar u l-ERA fost l-oħrajn, filwaqt li kemm il-kuntrattur kif ukoll il-Project Management Team responsabbli mill-monitoraġġ tax-xogħlijiet intgħażlu wara sejħiet pubbliċi għall-offerti. Il-permessi u d-dokumentazzjoni pubblika relatata mas-sejħiet għall-offerti jistgħu jiġu kkonsultati permezz tas-sistemi uffiċjali tal-awtoritajiet rispettivi.
Il-programm ikopri Wied il-Kbir, il-Wied tal-Marga, il-Wied ta’ Marsalforn (Ta’ Kittina), parti minn Wied ta’ Xħajma, il-Wied ta’ Mġarr ix-Xini, il-Wied tal-Imġarr u Wied l-Infern.
Dawn l-interventi għandhom għan ambjentali ċar: it-tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi li jikkompetu mal-flora indiġena u joħonquha, biex b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għar-riġenerazzjoni tal-ħabitats u tal-bijodiversità lokali. Fl-istess waqt, tneħħa materjal akkumulat li kien jimblokka l-mogħdijiet tal-ilma ġieri, biex jitjiebu l-ġbir u l-immaniġġjar tal-ilma tax-xita u jitnaqqas ir-riskju ta’ għargħar. Ix-xogħlijiet għalhekk jorbtu r-riabilitazzjoni ekoloġika tal-widien mat-tħejjija għax-xitwa u mal-ħarsien tal-art agrikola u taż-żoni tal-madwar.