gov.mt

pr261565

PR261565

27/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-isport u l-komunità jingħaqdu f’attività li fakkret il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport

Firxa wiesgħa ta’ attivitajiet sportivi ġabret flimkien persuni ta’ kull età fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop 
 
Il-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop ilbieraħ filgħaxija laqqa’ flimkien tfal, żgħażagħ, adulti u anzjani għal serata ta’ sport, attività fiżika u divertiment, bħala parti mill-avveniment ewlieni nazzjonali tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport 2026.
 
L-avveniment, organizzat minn SportMalta, ta lill-pubbliku l-opportunità li jieħu sehem u jiskopri firxa wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi. Fost l-attivitajiet kien hemm atletika, basketball, frame football, gymnastics, golf, bocce, softball, badminton, tennis, pickleball, kickboxing, handball, waterpolo, judo, karate, taekwondo u line dancing. Aktar tard matul il-#BeActive Night komplew attivitajiet oħra fosthom weightlifting, abseiling, rowing, rugby, skateboarding, table tennis, Hyrox, filwaqt li saru l-preżentazzjonijiet lill-istudenti li pparteċipaw fil-programm tas-Sajf, Let’s Move Malta.
 
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, li attenda l-avveniment, qal li l-varjetà ta’ dixxiplini u l-parteċipazzjoni ta’ persuni ta’ etajiet differenti wasslu fil-prattika l-messaġġ tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport – li kulħadd jista’ jsib il-mod tiegħu kif ikun aktar attiv.
 
“L-isport għandu kapaċità sabiħa li jgħaqqad lin-nies. Illejla rajna tfal, żgħażagħ, adulti, anzjani u familji jinġabru flimkien permezz ta’ dixxiplini differenti, iżda b’ħaġa waħda komuni: li jkunu attivi. Dan huwa proprju l-valur tal-isport. Mhuwiex biss kompetizzjoni jew riżultat, iżda huwa wkoll komunità, ħbiberija u sens ta’ appartenenza. Fl-istess waqt, li nkunu attivi huwa investiment dirett f’saħħitna u fil-kwalità tal-ħajja tagħna, kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Għalhekk il-messaġġ tagħna jrid imur lil hinn minn din il-ġimgħa. Irridu nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet biex kulħadd, tkun xi tkun l-età jew l-abbiltà tiegħu, isib il-mod tiegħu kif ikun attiv u jagħmel l-attività fiżika parti naturali mill-ħajja tiegħu ta’ kuljum,” qal il-Ministru Camilleri.
 
Fost dawk li ħadu sehem fl-attivitajiet kien hemm Kate Prasel Caruana, li kienet tipprattika l-judo u li attendiet flimkien ma’ sħabha biex terġa’ tipprattika din id-dixxiplina.
 
“Kienet opportunità sabiħa biex nerġa’ nipprattika l-judo flimkien ma’ sħabi. Għamilna diversi eżerċizzji u ħadna gost ħafna flimkien. Il-judo huwa sport li dejjem ħabbejt u nħeġġeġ aktar tfal biex jippruvawh, għaliex apparti li jitgħallmu dixxiplina sportiva, jistgħu jieħdu gost u jagħmlu ħbieb ġodda,” qalet Prasel Caruana.
 
L-attività wriet ukoll kif l-isport u l-moviment jistgħu jibqgħu parti mill-ħajja f’kull età. John Spiteri, għalliem taż-żfin, spjega kif inizjattivi ta’ SportMalta qed jagħtu opportunitajiet lil persuni ta’ aktar minn 60 sena biex jibqgħu attivi, filwaqt li jiltaqgħu u jissoċjalizzaw ma’ oħrajn.
 
“Permezz tal-kumplessi sportivi u inizjattivi bħal dawn, SportMalta qed toħloq opportunitajiet importanti għal persuni ta’ ’l fuq minn 60 sena biex jibqgħu attivi u fl-istess waqt ikunu parti minn komunità. Il-line dancing, il-ballroom dancing u s-sequence dancing mhux biss iżommuhom fiżikament attivi, iżda jagħtuhom ukoll spazju fejn jiltaqgħu ma’ oħrajn, jissoċjalizzaw u jieħdu gost flimkien,” qal Spiteri.
 
Kien hemm ukoll parteċipazzjoni b’saħħitha, fil-Hyrox, fejn għall-okkażjoni ġie adattat il-format biex isir fuq nofs id-distanza tas-soltu, bil-għan li aktar persuni jkunu jistgħu jippruvaw din id-dixxiplina. Il-kompetizzjoni kienet tinkludi kategorija għat-tfal bejn is-7 u l-15-il sena u oħra għall-parteċipanti minn 16-il sena ’l fuq. Ħadu sehem aktar minn 70 adult u 60 tifel u tifla.
 
“Ridna nagħtu ċ-ċans lil aktar nies jesperjenzaw il-Hyrox, u għalhekk adattajna l-format għal nofs id-distanza tas-soltu. Kellna parteċipazzjoni sabiħa ħafna kemm mit-tfal kif ukoll mill-adulti. Attivitajiet bħal dawn jagħtu opportunità lil min forsi qatt ma pprova din id-dixxiplina biex jagħmel l-ewwel pass, jippruvaha u jiskopri forma ġdida kif jista’ jibqa’ attiv,”qal il-kowċ tal-Hyrox, Julian Briffa.
 
Bit-tema #BeActive Your Way, il-kampanja ta’ din is-sena twassal il-messaġġ li m’hemmx mod wieħed kif persuna tista’ tkun attiva. L-għan huwa li persuni ta’ kull età, sfond u abbiltà jsibu attività li tħeġġiġhom jiċċaqilqu aktar u jagħmlu l-attività fiżika parti aktar regolari mill-ħajja tagħhom.
 
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport qed issir bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru. Din hija l-ħdax-il sena tal-kampanja minn meta tnediet fl-2015, u minn dakinhar laħqet aktar minn 118-il miljun parteċipant permezz ta’ aktar minn 433,000 attività fi 42 pajjiż.
 
F’Malta, din is-sena qed jieħdu sehem ukoll diversi kunsilli lokali u għaqdiet sportivi, filwaqt li l-għawwiema Sasha Gatt u l-ġudoka Katryna Esposito huma l-ambaxxaturi tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport 2026.

​