Beda l-proġett ta’ aktar minn €2.1 miljun għall-bini mill-ġdid tal-ġibjun f’Ta’ Mlit, il-Mosta, investiment li se jikkontribwixxi biex titnaqqas il-problema tal-għargħar f’din iż-żona, tiżdied il-kapaċità ta’ ħażna tal-ilma u, sussegwentement, tinħoloq żona ġdida ta’ rikreazzjoni għall-komunità.
Il-proġett, li se jitwettaq mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, huwa wkoll wieħed mill-impenji li l-Gvern għamel fil-Manifest Elettorali u li qed jibda jwettaq fl-ewwel xhur ta’ din il-leġiżlatura.
Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, għamlet flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, u s-Sindku tal-Mosta, Joseph Gatt.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jindirizza l-ħtiġijiet konkreti tan-nies u jinvesti fejn hemm bżonn reali fil-komunitajiet.
“Qed inwettqu proġett li jwieġeb direttament għal dak li għandhom bżonn ir-residenti ta’ din iż-żona: inqas għargħar, infrastruttura aktar b’saħħitha u spazju ġdid fejn il-familji jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin flimkien,” qalet il-Ministru. Hija saħqet li l-prijorità tal-Gvern tibqa’ li l-investiment pubbliku jwassal għal titjib konkret fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies u jagħti lill-komunitajiet l-infrastruttura u l-ispazji li verament għandhom bżonn.
Id-Direttur tal-Coastal and Stormwater fi ħdan id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Mario Ellul, spjega li permezz ta’ dan il-proġett, il-ġibjun ser jinbena mill-ġdid bi struttura aktar b’saħħitha. Dan kellu jsir minħabba li l-ġibjun eżistenti għandu diversi problemi strutturali, b’mod partikolari fis-saqaf tiegħu. Fl-istess ħin, il-ġibjun il-ġdid se jitħaffer iktar fil-fond sabiex tiżdied il-kapaċità tiegħu.
Is-Sindku tal-Mosta, Joseph Gatt, qal li dan huwa proġett importanti għall-Mostin għaliex se jindirizza waħda mill-isfidi li jiffaċċjaw ir-residenti f’din iż-żona, filwaqt li fl-istess waqt joħloq opportunità għal titjib ambjentali u spazju ġdid għall-komunità. Huwa sostna li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali hija essenzjali biex proġetti ta’ din in-natura jwasslu għal riżultati konkreti u sostenibbli li minnhom igawdu r-residenti.
Il-ġibjun eżistenti jeħtieġ li jinbena mill-ġdid minħabba diversi problemi ta’ livelli u problemi strutturali, b’mod partikolari fis-saqaf tiegħu. B’hekk, il-proġett se jinkludi t-twaqqigħ tal-ġibjun eżistenti u t-tħaffir iktar fil-fond sabiex tiżdied il-kapaċità tiegħu u jkun jista’ jiġbor aktar ilma. Il-ġibjun il-ġdid se jinbena bi struttura ta’ kolonni u soqfa tal-konkos u, meta jitlesta, se jkun jista’ jiġbor iktar minn 4 miljun litru ta’ ilma. Din il-ħażna se tkun tista’ tintuża għat-tisqija ta’ siġar u pjanti f’diversi nħawi, u b’hekk tikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma.
Ix-xogħlijiet ta’ bini mill-ġdid tal-ġibjun huma mistennija li jitlestew fi żmien 60 ġimgħa. Wara li jitlesta x-xogħol fuq il-ġibjun, tkompli l-ħidma fuq il-proġett bil-bini tal-ġnien propost fuq il-ġibjun minn Project Green. Il-ġnien huwa maħsub biex jipprovdi spazju ġdid ta’ rikreazzjoni għar-residenti ta’ din iż-żona tal-Mosta.
B’hekk, il-proġett se jwassal għal numru ta’ benefiċċji għall-komunità, fosthom tnaqqis fil-problema tal-għargħar, kapaċità akbar ta’ ħażna tal-ilma, titjib sinifikanti fiż-żona u l-ħolqien ta’ spazju pubbliku ġdid għall-familji u r-residenti.