Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ta rendikont tal-ħidma, ir-riformi u l-investimenti mwettqa fis-settur tal-ġustizzja matul l-aħħar sena, filwaqt li ħabbar il-prijoritajiet għall-perjodu li ġej, bi tħejjija għall-ftuħ tas-Sena Forensi fl-1 ta' Ottubru.
Huwa saħaq li matul din is-sena kompliet tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tal-ġustizzja permezz ta' aktar riżorsi umani, speċjalizzazzjoni ġudizzjarja, infrastruttura ġdida, diġitalizzazzjoni u riformi istituzzjonali.
Illum l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għandha 642 impjegat, meta sena ilu kienet timpjega madwar 588 persuna. Il-Ġudikatura qed tkun assistita wkoll minn 50 Court Attorney u 59 Assistenti Ġudizzjarji. F'April ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Aġenzija, li jibqa' fis-seħħ sal-2030 u jinkludi salarji riveduti, progressjoni fil-karriera u strutturi ġodda.
“Qegħdin ninvestu fin-nies daqs kemm qegħdin ninvestu fir-riformi. Sena wara sena qed inżidu r-riżorsi disponibbli għall-Qrati u għall-Ġudikatura, iżda fl-istess waqt qed nibdlu l-mod kif taħdem is-sistema, b'aktar speċjalizzazzjoni, aktar strutturi ta' appoġġ u aktar teknoloġija," qal il-Ministru Grima.
Il-Ministru ħabbar li mill-1 ta' Ottubru se tibda titħaddem il-maġġoranza tar-Regolamenti tal-Proċeduri tal-Qorti tal-Familja 2026, pass ewlieni fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-ġustizzja tal-familja. Ir-riforma tintroduċi proċeduri aktar ċari, medjazzjoni aktar strutturata u salvagwardji msaħħa biex il-vuċi u l-aħjar interessi tat-tfal ikunu rappreżentati b'mod effettiv.
Bħala parti mill-implimentazzjoni, qed tkompli wkoll il-ħidma fuq Uffiċċju ta' Appoġġ, it-tisħiħ tal-funzjoni tal-Avukat tat-Tfal u r-reklutaġġ u t-taħriġ ta' aktar professjonisti speċjalizzati.
“Din mhijiex riforma li tispiċċa mal-pubblikazzjoni ta' liġi. Mill-1 ta' Ottubru nibdew fażi ġdida li tkompli twassal biex il-bidla tibda tinħass fil-prattika. Irridu Qorti tal-Familja aktar umana, aktar ċara u fuq kollox mibnija madwar l-aħjar interess tat-tfal," sostna l-Ministru Grima.
Matul din is-sena kompliet ukoll tissaħħaħ il-Ġudikatura, li bħalissa hija magħmula minn 62 membru. Wara s-sejħa pubblika maħruġa f'Lulju għall-ħatra ta' żewġ Imħallfin ġodda, illum se jieħdu l-ġurament l-Maġistrat Leonard Caruana u l-Maġistrat Elaine Rizzo bħala Imħallfin tal-Qrati Superjuri. Dan ikompli jibni fuq it-tkabbir fil-kapaċità ġudizzjarja li sar matul din is-sena, inkluż il-ħatra ta' żewġ Maġistrati ġodda f'Ġunju.
Fl-istess waqt kompliet tissaħħaħ l-ispeċjalizzazzjoni fil-Ġudikatura, b'Imħallfin assenjati għal kawżi kummerċjali, Maġistrati ddedikati għal materji ċivili u għal każijiet ta' vjolenza domestika, kif ukoll erba' Maġistrati ddedikati għall-inkjesti maġisterjali.
Fuq il-livell istituzzjonali, matul din is-sena għaddew mill-Parlament ukoll żewġ riformi maġġuri. Waħda minnhom tistabbilixxi qafas ġdid għall-ħatra tal-membri tat-Tribunali Amministrattivi Speċjalizzati permezz ta' Kummissjoni Indipendenti u proċess pubbliku, kompetittiv u bbażat fuq il-mertu. Riforma oħra ssaħħaħ l-iskrutinju, l-aċċess għall-ġustizzja u l-kontabilità fil-ġudizzju tal-Avukat Ġenerali, meta b'deċiżjoni konxja, l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi li ma ssirx prosekuzzjoni – deċiżjoni li tista' ssir skont il-liġi kriminali ta' pajjiżna. Riforma li tipprovdi aktar lok biex tali deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu kkontestati u skrutinizzati, filwaqt li tissaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabbiltà u s-saltna tad-dritt.
L-investiment infrastrutturali qed ikompli wkoll. Fost il-proġetti hemm il-binja l-ġdida għall-Qrati ta' Għawdex, ix-xogħol fuq il-Qorti tal-Appelli Kriminali fi Strada Stretta, il-binja dedikata għall-Qorti Kummerċjali u l-proġett għall-Qorti tal-Familja.
Qed titmexxa wkoll trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni tal-Qrati, inkluż l-iżvilupp ta' Court Services Management Information System ġdid, id-diġitalizzazzjoni ta' proċessi relatati mal-banek u mal-mandati ta' sekwestru, kif ukoll electronic notice boards fil-Qrati.
“Dak li sena ilu konna qed nippreżentaw bħala l-pass li jmiss, illum f'diversi oqsma qed narawh jitwettaq. Qed inkomplu nżidu r-riżorsi, insaħħu l-Ġudikatura, nispeċjalizzaw is-servizzi u nwettqu riformi li jagħmlu differenza fil-mod kif iċ-ċittadin jesperjenza l-ġustizzja. Issa l-prijorità tagħna hija li din il-ħidma tissarraf f'servizz dejjem aktar effiċjenti, aċċessibbli u modern," temm il-Ministru Clifton Grima.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kienu wkoll preżenti Dr Vanessa Grech, Kap Eżekuttiv tal-Court Services Agency u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Johann Galea.