Okkażjoni biex jiġi ċċelebrat il-ġid li jkompli joħloq is-settur tal-volontarjat fis-soċjetà
Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) ħabbar it-tnedija tal-Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena 2026 bil-ftuħ tan-nomini għal diversi premjijiet relatati mal-volontarjat. Dan bil-għan li jingħata rikonoxximent denju lil persuni u għaqdiet li jiddistingwu ruħhom fis-settur u joħolqu soċjetà aħjar bil-kontribuzzjoni tagħhom.
Il-premju prinċipali huwa l-Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena, li jingħata lil individwu li kkontribwixxa b’mod pożittiv fil-volontarjat jew li kien ta’ ispirazzjoni għal oħrajn bix-xogħol volontarju tiegħu.
Hemm ukoll diversi premjijiet oħra. Dawn jinkludu l-Premju Nazzjonali Organizzazzjoni Volontarja tas-Sena, il-Premju Nazzjonali għal Kumpanija privata li ddistingwiet ruħha fis-sapport li tagħti, il-Premju Nazzjonali Voluntier Żagħżugħ/a tas-Sena li huwa għal dawk ta’ bejn 16 u 30 sena, u kif ukoll il-Premju Victor Calvagna għat-Tifel/Tifla Voluntier tas-Sena, li jingħata lil voluntier ta’ bejn 10 u 15-il sena. Għal dawn il-premjijiet ilkoll fetħu l-applikazzjonijiet sabiex wieħed jista’ jissottometti l-isem tal-persuna jew l-għaqda.
Apparti dan, bħal kull sena ser jiġu ppreżentati wkoll żewġ premjijiet speċjali. Il-Premju Nazzjonali Speċjali għall-Ħidma Volontarja lil persuna li ddistingwiet ruħha matul ħajjitha fis-servizz volontarju, kif ukoll il-Premju Nazzjonali Speċjali Proġett tas-Sena fis-Settur Volontarju. Dawn ser jingħataw direttament mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għal servizz u inizjattivi eċċellenti fis-settur tal-volontarjat.
It-tnedija saret fid-Dar tal-Providenza, fejn fl-aħħar snin kellha diversi voluntiera li kienu rebbieħa fosthom lil Dr George Grech u lil Tony Sammut bħala voluntiera tas-sena fl-2020 u l-2024, u kif ukoll ingħata premju speċjali lil Monsinjur Victor Grech fl-2024.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif: “Il-volontarjat jagħti ħajja lill-komunitajiet tagħna u jġib lin-nies flimkien biex iwieġbu għall-bżonnijiet ta’ madwarhom. Dan il-premju huwa opportunità biex nirringrazzjaw lil dawk li jagħtu mill-ħin u l-ħiliet tagħhom, u nagħtu viżibbiltà lill-ħidma tagħhom. Inħeġġeġ lill-pubbliku jressaq nominazzjonijiet għal dawk il-voluntiera u l-għaqdiet li kuljum qed jagħmlu differenza. Bħala Gvern, se nkomplu nagħtu s-sostenn meħtieġ biex is-settur tal-volontarjat ikompli jikber u jilħaq aktar nies.”
Iċ-Chairperson tal-Kunsill għall-Volontarjat, Gertrude Buttigieg, qalet li bi pjaċir qed titħabbar il-ħmistax il-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali Voluntier ta’ Sena. Hija sostniet li dawn il-kategoriji jkopru firxa wiesgħa ta’ aspetti tal-volontarjat u jirrikonoxxu l-kontribut ta’ persuni u entitajiet differenti fis-soċjetà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS, Mauro Pace Parascandolo, qal li l-għaqdiet kollha jkollhom persuni li jkunu l-mutur wara x-xogħol li jsir, u għaldaqstant appella biex dawn jiġu nominati. “Din in-nomina, għalkemm ċert li ma jkunux qed jistennewha, tkun grazzi kbira li jibqgħu jiftakruha biex ix-xogħol li jagħmlu jservi ta’ eżempju pożittiv fis-soċjetà tagħna.”
Il-formoli biex tinnomina persuna jew għaqda skont il-lista tal-premjijiet, jagħlqu l-Ħamis 29 ta’ Ottubru 2026 f’nofsinhar. Dawn jinkisbu mill-portal vofunding.org.mt. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet imbagħad issir fl-10 ta’ Diċembru 2026, b’rabta mal-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat kommemorat min-Nazzjonijiet Uniti fil-5 ta’ Diċembru.