“Fi ftit xhur, il-prezzijiet tal-enerġija għolew b'mod mill-iktar sinifikanti. Iżda f'pajjiżna l-prezzijiet tal-fjuwils, tal-elettriku u tal-gass ma raw ebda bidla. L-ebda pajjiż mhu jagħmel dak li qed nagħmlu aħna. Malta huwa l-uniku pajjiż li baqa' jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn dawn il-piżijiet kbar." Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt it-tnedija tad-dokument ta' qabel il-Budget għas-sena 2027.
Huwa spjega li għalkemm is-sussidji fuq l-enerġija u l-ikel kienu naqsu minn €242.5 miljun fl-2023 għal €188.1 miljun fl-2025, dawn mistennija jitilgħu b'mod sinifikanti għal €391.7 miljun fl-2026, kawża tat-tensjonijiet ġeopolitiċi li għaddejjin madwar id-dinja.
Għas-sena 2027, is-sussidji huma stmati li ser jilħqu mal-€400 miljun oħra. Ma' dawn wieħed irid iżid ukoll €75 miljun f'investiment fl-infrastruttura tal-enerġija.
Il-Ministru Caruana qabbel il-prezzijiet tal-fjuwils f'pajjiżna mal-eqreb pajjiż ta' Malta, Sqallija. Huwa spjega li għalkemm dan il-pajjiż huwa tefgħa ta' ġebla 'l bogħod minna, il-prezz tad-diesel huwa kważi d-doppju tal-prezz f'Malta, filwaqt li l-prezz tal-petrol huwa 60% iktar minn dak f'Malta.
“Fl-aħħar ħames snin, dan il-Gvern nefaq xejn inqas minn €1.35 biljun f'sussidji fuq l-enerġija. Qed nagħmlu dan kollu għaliex konna bil-għaqal u l-finanzi ta' pajjiżna huma b'saħħithom. Li kieku l-finanzi tal-pajjiż mhumiex b'saħħithom, m'aħniex f'pożizzjoni li nagħtu din l-għajnuna kollha," kompla l-Ministru.
Mingħajr is-sussidji, l-ekonomija Maltija ssofri minn riperkussjonijiet fit-tul filwaqt li l-impjiegi f'pajjiżna jonqsu u l-qgħad jiżdied.
Huwa qal li għalkemm dan huwa żmien ta' sfida, il-Gvern se jkompli joffri stabbiltà f'dan il-qasam biex jipproteġi lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin u fl-istess waqt tinżamm l-istabbiltà ekonomika.
Huwa spjega li l-ekonomija Maltija mistennija tikber b'rata ta' 3.7% fl-2026, l-ogħla tkabbir imbassar fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Din ir-rata taqbeż bil-bosta l-medja tal-Unjoni Ewropea ta' 1.1% u dik taż-Żona Ewro ta' 0.9%.
Ir-rata ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol f'pajjiżna tissupera wkoll dik tal-Unjoni Ewropea, b'rata b'saħħitha ta' 82.6% fl-2025 meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni Ewropea ta' 75.6%. Pajjiżna għandu wkoll l-ogħla rata ta' impjiegi fl-UE, b'rata ta' 84.0% fit-tieni kwart tal-2026, meta mqabbla mal-medja Ewropea ta' 76.4%.
Il-Ministru Caruana qal li r-rata ta' qgħad f'Malta tinsab fost l-inqas fl-Unjoni Ewropea, b'rata ta' 3.5% rreġistrata f'Lulju 2026, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 6.1% u l-medja taż-Żona Ewro ta' 6.4%.
L-inflazzjoni f'Malta baqgħet moderata matul l-aħħar tnax-il xahar, b'rata ta' 2.1% rreġistrata f'Lulju 2026, ferm inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea ta' 3.0% u dik taż-Żona Ewro ta' 2.9%.
Is-sostenibbiltà fiskali se tibqa' prijorità ewlenija fis-snin li ġejjin. Fl-aħħar snin, id-defiċit ta' Malta naqas minn 3.4% fl-2024 għal 2.2% fl-2025, filwaqt li għall-2026 huwa proġettat li jkun ta' 2.8% tal-PDG u jibqa' taħt il-limitu ta' 3.0% stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea.
Għall-2025, ir-rata tad-dejn ġenerali kienet ta' 46.4%, u l-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li din ir-rata tibqa' stabbli għal madwar 46.0% fl-2026, ferm inqas mill-medja tal-UE u mil-limitu stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, dak ta' 60%.
Id-dokument jinsab aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Finanzi finanzi.gov.mt.