Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-fabbrika ta’ Malta Tiles f’Kordin, fejn seta’ jara mill-qrib il-proċess artiġjanali tal-produzzjoni tal-madum Malti.
Malta Tiles ilha titmexxa mill-familja Lia mill-2012, wara li l-familja ddeċidiet li tinvesti f’sengħa li kienet f’riskju li tintilef. Minn bidu f’garaxx, il-kumpanija kompliet tikber u investiet madwar €360,000 f’fabbrika f’Kordin u f’makkinarju ġdid, anke permezz ta’ għajnuna mill-iskema Micro Invest tal-Malta Enterprise. Illum il-produzzjoni tgħaqqad makkinarju modern flimkien ma’ oħrajn oriġinali li ġew restawrati u preservati, filwaqt li l-kumpanija għandha aktar minn 300 forma differenti ta’ madum Malti.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru ngħata dawra mal-fabbrika minn membri tal-familja ta’ Robert Lia, fejn ġie spjegat lilu l-proċess ta’ kif il-madum jinħadem bl-idejn, kif ukoll l-investiment li sar tul is-snin biex din is-sengħa tingħata ħajja ġdida.
Il-Prim Ministru qal li stejjer bħal dik ta’ Malta Tiles juru kif it-tradizzjoni u l-innovazzjoni jistgħu jimxu id f’id.
“Hawnhekk għandna eżempju sabiħ ta’ familja li rat valur f’sengħa tradizzjonali Maltija, investiet fiha u tatha futur ġdid. Il-progress ma jfissirx li nwarrbu dak li jagħmilna min aħna, iżda li nsibu modi ġodda kif nagħtuh valur u nwassluh lil ġenerazzjonijiet oħra,” qal il-Prim Ministru.
Il-kumpanija tipproduċi madum għal djar u proġetti f’Malta, filwaqt li l-prodotti tagħha waslu wkoll fi swieq internazzjonali fosthom l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Italja. Malta Tiles tilqa’ wkoll lill-pubbliku, turisti u studenti għal workshops biex jitgħallmu aktar dwar is-sengħa. Parti mill-workshop jinkludi eżerċizzju fejn dawk preżenti jippruvaw jagħmlu maduma huma stess.
Dr Abela nnota wkoll l-importanza li negozji tal-familja jingħataw l-ispazju biex ikomplu jikbru u jgħaddu l-għarfien u l-esperjenza minn ġenerazzjoni għal oħra. “Irridu ekonomija fejn in-negozji tagħna ma jikbrux biss fid-daqs, iżda fil-kwalità, fil-valur li joħolqu u fil-ħiliet li jħallu warajhom. Meta negozju Malti jirnexxielu jħares it-tradizzjoni u s-sengħa tagħna u fl-istess ħin iwassal prodott magħmul f’Malta lil hinn minn xtutna, ikun qed joħloq valur ekonomiku u fl-istess waqt isaħħaħ l-identità tagħna.”
Il-familja Lia qed taħdem ukoll biex jinġabar u jiġi dokumentat aktar tagħrif dwar il-persuni li matul is-snin ħadmu fis-sengħa tal-madum Malti, kif ukoll biex il-madum Malti magħmul f’Malta jingħata rikonoxximent u ċertifikazzjoni xierqa.
Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru Silvio Schembri u minn Dr Joseph Gerada mill-Family Business Office.