gov.mt

pr261592

PR261592

30/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imniedi għall-konsultazzjoni pubblika l-abbozz tal-Istrateġija Esplora 2030


Din l-Istrateġija ġdida tistabbilixxi viżjoni biex issir il-pjattaforma nazzjonali ta’ Malta għall-involviment ta’ STEAM minn ġenerazzjoni għal oħra

Xjenza Malta, permezz taċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, nediet Abbozz tal-Istrateġija Esplora 2030, u qed tistieden lill-pubbliku jaqsam il-fehmiet tiegħu dwarha u jiddeskrivi viżjoni ambizzjuża biex Esplora jissaħħaħ bħala l-pjattaforma nazzjonali ta’ Malta għall-involviment STEAM (ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika) fost il-ġenerazzjonijiet kollha.

Filwaqt li jibni fuq il-kisbiet ta’ Esplora mill-ftuħ tiegħu fl-2016, l-abbozz jippreżenta l-viżjoni ‘Nispiraw imħuħ kurjużi biex isawru l-futur tagħna’ u jipproponi approċċ aktar inklużiv u ffukat fuq l-udjenzi, li jwessa’ l-involviment lil hinn mit-tfal u l-iskejjel biex jinkludi l-adolexxenti, l-adulti, il-familji, il-komunitajiet u l-istudenti li jitgħallmu tul ħajjithom.

L-istrateġija hija mibnija madwar ħames pedamenti strateġiċi – it-trawwim tal-kurżità, l-iffaċilitar tal-iskoperta, it-tisħiħ taċ-ċittadinanza attiva, l-inkorporazzjoni tal-approċċ STEAM u l-ħolqien ta’ spazji li jqanqlu l-immaġinazzjoni. L-istrateġija tidentifika wkoll erba’ pilastri strateġiċi li se jiggwidaw l-implimentazzjoni, inkluż programmar imsaħħaħ, esperjenzi mtejba tal-viżitaturi, sħubijiet aktar b’saħħithom u investiment fl-infrastruttura. 

Dwar it-tnedija u l-konsultazzjoni pubblika, il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal: “Il-futur ta' pajjiżna jiddependi fuq il-kapaċità xjentifika, l-innovazzjoni, il-kreattività u l-ħiliet tan-nies tagħna. Għalhekk irridu nibqgħu ninvestu mhux biss fir-riċerka u fit-teknoloġija, imma wkoll fl-għarfien pubbliku tax-xjenza u fil-fiduċja fiha. Għandna impenn li noħolqu l-kundizzjonijiet biex ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-involviment pubbliku, inkluż iż-żgħażagħ, ikomplu jikbru permezz ta’ investiment sostenibbli, kollaborazzjoni istituzzjonali u politiki bbażati fuq l-evidenza u l-benefiċċju pubbliku.”

Is-Senior Director ta’ Esplora, Mary Ann Cauchi, qalet: “Din l-istrateġija ġiet iffurmata permezz ta’ konsultazzjoni estensiva mal-impjegati, mal-partijiet ikkonċernati, mas-sħab u mal-kollaboraturi tagħna, bl-użu ta’ focus groups, intervisti u diversi stħarriġ biex jinkisbu esperjenzi, ħtiġijiet u aspirazzjonijiet differenti. Issa qegħdin nistiednu lill-pubbliku biex jieħu sehem f’din il-konsultazzjoni pubblika għaliex nemmnu li strateġija mibnija man-nies tkun aktar rilevanti, inklużiva u ta’ impatt.”

L-Abbozz tal-Istrateġija Esplora 2030 se jibqa’ miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika sat-28 t’Ottubru 2026. Membri tal-pubbliku, edukaturi, riċerkaturi, studenti, l-industrija, l-organizzazzjonijiet fil-komunità u l-partijiet ikkonċernati interessati kollha huma mistiedna jagħtu ħarsa lejn l-abbozz ta’ strateġija u jissottomettu l-feedback tagħhom biex imbagħad jiġi ppubblikat id-dokument finali. 

L-Abbozz ta’ Strateġija ta’ Esplora għall-2030 huwa disponibbli fuq www.konsultazzjoni.gov.mt.


​​​​