Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri pparteċipa f'diskussjoni ta' livell għoli mas-Sa Gesine Meissner, Koordinatriċi Ewropea u ma' rappreżentanti tal-Conference of Peripheral Maritime Regions (CPMR) dwar l-iżvilupp tal-Ispazju Marittimu Ewropew. Matul id-diskussjoni, il-Ministru enfasizza l-importanza tal-konnettività marittima għall-gżejjer u reġjuni periferiċi, filwaqt li sostna li, kemm għal Għawdex kif ukoll għal Malta, it-trasport marittimu huwa lifeline essenzjali li fuqu jiddependu l-attività ekonomika, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp territorjali.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “flimkien ma' rappreżentanti oħrajn minn diversi reġjuni madwar l-Ewropa ddiskutejna mal-koordinatriċi tal-Ewropa rigward it-trasport u l-marittimu, fejn elenkajna l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet li għandhom reġjuni fil-periferija tal-Ewropa. Tkellimna dwar l-importanza tal-Port tal-Imġarr f'Għawdex u l-investiment li hemm bżonn isir fih kif ukoll dwar l-għajnuna li l-istess Ewropa se tkun qed tagħti lil dawk ir-reġjuni ż-żgħar sabiex ikunu jistgħu jimmodernizzaw mhux biss il-flotta tagħhom iżda wkoll ikunu qed jagħmlu l-portijiet tagħhom aktar aċċessibbli. Dawn il-portijiet, fl-aħħar mill-aħħar, jibqgħu l-link ewlenija ta' dawn ir-reġjuni u l-gżejjer mal-bqija tal-kontinent Ewropew. Se nibqgħu naħdmu, anki fuq livell Ewropew, sabiex il-vuċi Għawdxija u Maltija tibqa' titwassal fejn hemm bżonn."
Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-Ispazju Marittimu Ewropew jagħti aktar attenzjoni lill-konnettività tal-gżejjer permezz ta' konnessjonijiet marittimi reżiljenti, affordabbli u disponibbli matul is-sena kollha. Hawn tkellem ukoll dwar l-importanza li r-rotot ta' Public Service Obligation u l-portijiet reġjonali żgħar jingħataw ir-rikonoxximent u l-appoġġ xieraq.
Il-Ministru qal ukoll li t-tranżizzjoni ekoloġika għandha ssaħħaħ, u mhux iddgħajjef, il-konnettività marittima. Għaldaqstant, appella għal appoġġ immirat għad-dekarbonizzazzjoni u l-immodernizzar tat-trasport marittimu fuq skala żgħira fil-gżejjer u fil-portijiet tagħhom.
Bħala parti mid-delegazzjoni tal-Conference of Peripheral Maritime Regions (CPMR), il-Ministru Camilleri attenda wkoll laqgħa mal-Membru tal-Parlament Ewropew Sérgio Gonçalves, Rapporteur dwar ir-rapport dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Portijiet, fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew. Matul il-laqgħa ġew diskussi l-ħidma li qed titwettaq fil-Parlament Ewropew u l-passi li jmiss fir-rigward tal-Istrateġija Ewropea għall-Portijiet. Huwa appella għal strateġija li tirrikonoxxi l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw il-gżejjer, tiżgura aċċess ġust għall-finanzjament, issib bilanċ bejn il-kompetittività u l-koeżjoni territorjali, u tipprovdi appoġġ adegwat għad-dekarbonizzazzjoni.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi enfasizza fuq il-ħtieġa li l-politiki Ewropej jiżguraw li l-ebda gżira jew reġjun periferiku ma jitħalla lura fit-tranżizzjoni lejn settur marittimu aktar sostenibbli u reżiljenti.