Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd tal-Unjoni Ewropea, li saret fi Brussell. Matul il-laqgħa ġew diskussi l-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2027, is-sitwazzjoni fis-swieq agrikoli, id-disponibbiltà tal-fertilizzanti u l-futur tal-fondi Ewropej għas-sajd u l-akkwakultura.
Fid-diskussjoni dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni, il-Ministru Refalo tenna l-importanza li l-qafas Ewropew jirrikonoxxi r-realtajiet differenti tal-Istati Membri. Malta sostniet il-ħtieġa għal biżżejjed flessibbiltà sabiex il-miżuri u r-rati ta' għajnuna finanzjarja permissibbli jkunu jistgħu jiġu adattati għall-karatteristiċi tas-settur agrikolu Malti, b'mod partikolari għar-realtà ta' azjendi agrikoli żgħar u frammentati.
Il-Ministru Refalo intervjena wkoll dwar is-sitwazzjoni fis-swieq agrikoli, fejn ġibed l-attenzjoni lejn iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni u l-pressjonijiet li qed jaffaċċjaw diversi setturi. Huwa enfasizza l-impatt dejjem jikber tat-tibdil fil-klima fuq il-produzzjoni agrikola, b'temperaturi estremi u perjodi itwal mingħajr xita li qed joħolqu sfidi ġodda għall-bdiewa u r-raħħala Maltin. Il-Ministru semma wkoll il-problema tal-bagħal taż-żunżan u l-pressjoni fuq is-settur tal-apikultura, b'impatt negattiv fuq in-naħal, il-produzzjoni u l-agrikoltura.
Matul id-diskussjoni dwar il-fertilizzanti, Malta saħqet fuq l-importanza li l-bdiewa jkollhom aċċess għal provvista affordabbli u stabbli. Il-Ministru Refalo sostna l-promozzjoni ta' teknoloġiji u għodod ta' preċiżjoni li jgħinu biex jitnaqqas il-ħela u jsir użu aktar effiċjenti mill-fertilizzanti u mill-ilma. Huwa enfasizza wkoll l-importanza ta' sorsi alternattivi u riċiklati ta' nutrijenti sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq prodotti importati u jiġu promossi sistemi agrikoli aktar ċirkulari u sostenibbli.
Fuq is-settur tas-sajd, il-Kunsill iddiskuta l-proposta leġiżlattiva settorjali għall-fondi tas-sajd u tal-akkwakultura għall-perjodu 2028–2034. Malta kienet fost l-Istati Membri li talbu reviżjonijiet fit-test propost sabiex dan jirrifletti aħjar ir-realtajiet u l-ħtiġijiet differenti tas-settur. Wara li numru minn dawn ir-reviżjonijiet ġew riflessi fit-test aġġornat, il-Presidenza ressqet il-proposta sabiex jintlaħaq qbil parzjali bejn l-Istati Membri.
Il-Ministru Refalo kkonferma l-qbil ta' Malta fl-ispirtu ta' kompromess, filwaqt li saħaq li għad fadal aktar xogħol sabiex jinkiseb bilanċ aħjar fil-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dawn il-fondi. Malta sostniet l-importanza li l-proċess jimxi 'l quddiem sabiex jiġi evitat dewmien fil-pagamenti għas-sajjieda Maltin u Għawdxin. Il-qbil parzjali kiseb il-maġġoranza meħtieġa, bl-appoġġ ta' kważi l-Istati Membri kollha.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll proposta biex jiġi emendat ir-Regolament tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għall-perjodu attwali. Il-Ministru Refalo tenna li, filwaqt li hemm bżonn ta' aktar żmien sabiex l-esperti tal-Istati Membri jeżaminaw il-proposta fid-dettall, huwa pożittiv li qed tiġi proposta emenda biex tissimplifika l-implimentazzjoni tal-fond u tipprovdi aktar flessibbiltà lill-amministrazzjonijiet. Huwa enfasizza l-ħtieġa għal appoġġ adegwat għall-modernizzazzjoni tal-flotta, għat-tranżizzjoni tal-enerġija, għat-tiġdid ġenerazzjonali u għal setturi tas-sajd fuq skala żgħira bħal dak Malti.
“Il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda tagħna qed jaffaċċjaw realtajiet u sfidi li qed jinbidlu kontinwament. Għalhekk jeħtieġ li l-politiki u l-fondi Ewropej jirrikonoxxu l-karatteristiċi ta' pajjiżna u jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa. Malta se tkompli taħdem biex tassigura li l-produtturi tagħna jkollhom l-appoġġ, l-għodod u l-opportunitajiet biex ikomplu jinvestu u jipproduċu. Fl-istess waqt, se nibqgħu nħarsu l-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin sabiex jiġi evitat dewmien fil-pagamenti u fl-appoġġ finanzjarju," temm jgħid il-Ministru Refalo.