Malta u ċ-Ċina jsaħħu l-kooperazzjoni fit-turiżmu u l-edukazzjoni
Iffirmat ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u ż-Zhengzhou Tourism College (ZTC) taċ-Ċina, li permezz tiegħu se jiġi stabbilit iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iskambju tal-Kultura tas-Central Plains fl-ITS f'Malta.
Il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, l-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal Malta, Zhang Zuo, kif ukoll delegazzjoni miż-Zhengzhou Tourism College mmexxija mill-President Xiao Shicai.
Din l-inizjattiva se tikkonsolida r-relazzjonijiet edukattivi u kulturali bejn Malta u ċ-Ċina, filwaqt li toħloq aktar opportunitajiet għall-istudenti u l-edukaturi biex jiksbu esperjenza internazzjonali u jkabbru l-għarfien tagħhom dwar kulturi, tradizzjonijiet u wirt differenti.
Iċ-Ċentru se jservi bħala pjattaforma għal attivitajiet relatati mal-edukazzjoni fit-turiżmu, skambji kulturali, żvilupp tal-ħiliet u tagħlim kollaborattiv.
Permezz ta' din il-kollaborazzjoni, Malta u ċ-Ċina se jkomplu jużaw it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-kultura bħala strumenti ta' skambju, għarfien u kooperazzjoni, filwaqt li jissaħħu l-opportunitajiet għal studenti u professjonisti miż-żewġ pajjiżi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela qal li din l-inizjattiva hija aktar minn ftehim bejn żewġ istituzzjonijiet edukattivi, hija investiment fil-konnessjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina u fl-opportunitajiet li jistgħu jinħolqu għaż-żgħażagħ tagħna. Saħaq li billi ngħaqqdu l-edukazzjoni fit-turiżmu mal-kultura, il-wirt u l-esperjenzi internazzjonali, qed noħolqu ambjent fejn l-istudenti tagħna jistgħu jiżviluppaw ħiliet ġodda u perspettiva aktar globali, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-fehim reċiproku bejn iż-żewġ pajjiżi.
“Meta ninvestu fl-edukazzjoni, fil-kultura u fit-turiżmu, inkunu qed ninvestu fil-futur ta' Malta u fir-relazzjonijiet li rridu nibnu mad-dinja. Din il-kollaborazzjoni ma' Zhengzhou hija pont ġdid bejn Malta u ċ-Ċina — pont ta' għarfien, opportunità u skambju li se jħalli lill-istudenti tagħna aktar ippreparati biex jieħdu posthom f'industrija tat-turiżmu dejjem aktar internazzjonali. Irridu Malta li mhux biss tilqa' lid-dinja, iżda li tkun ukoll destinazzjoni li tmexxi, tgħallem u tibni rabtiet madwar id-dinja," temm jgħid il-Ministru Abela.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech qal, “Dan il-ftehim jibni fuq is-sħubija b'saħħitha u ta' suċċess bejn l-ITS u ż-ZTC, u joħloq opportunitajiet ġodda għall-iskambju ta' studenti u membri tal-istaff, għat-tagħlim internazzjonali u għall-kollaborazzjoni kulturali. Permezz taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iskambju Kulturali tas-Central Plains, inħarsu 'l quddiem biex inkomplu nsaħħu r-rabtiet bejn Malta u Zhengzhou u nagħtu lill-istudenti tagħna opportunità biex jiksbu għarfien aktar profond dwar it-turiżmu, il-kultura u l-wirt lil hinn mill-ambjent tal-klassi."
Ritratti: MFT