Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mar-rappreżentanti tal-UĦM, li matulha ġew diskussi diversi temi marbuta mal-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.
Dr Abela qal li l-Gvern jibqa’ impenjat biex it-tkabbir ekonomiku jkompli jinħass fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. F’dan il-kuntest, sostna li jeħtieġ li pajjiżna jkompli jindirizza l-isfidi li jġib miegħu l-progress u jaħdem biex dawn l-isfidi jinbidlu f’opportunitajiet. Fost dawn semma l-mobbiltà. Permezz tal-pjan Malta in Motion, il-Gvern qed jaħdem fuq sistema tat-trasport aktar integrata li tgħaqqad il-mixi u ċ-ċikliżmu, il-ferries, il-ġestjoni tal-parkeġġ, it-trasport pubbliku u, fuq medda itwal ta’ żmien, sistema ta’ Rapid Transit. Dan diġà qed jissarraf f’miżuri konkreti, fosthom servizz ġdid ta’ Fast Ferry bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex, kif ukoll rotot ċirkolari ġodda tas-servizz tat-Tallinja.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-remote working, il-flessibbiltà u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Huwa qal li dawn huma temi li l-Gvern irid ikompli jiddiskuti mal-imsieħba soċjali, inkluż dwar id-dritt tal-ħaddiem li jitlob arranġamenti flessibbli bħal remote working, flexi-time, compressed week, reduced hours jew xogħol part-time, dejjem skont in-natura tax-xogħol u l-ħtiġijiet tal-operat.
Dr Abela sostna li laqgħat bħal dawn huma importanti għax iwasslu biex jinħolqu proposti konkreti li jistgħu jissarrfu f’politika li tagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies.
Il-Prim Ministru rringrazzja lir-rappreżentanti tal-UĦM għad-djalogu miftuħ u kostruttiv li jżommu matul is-sena. Huwa sostna li l-paċi industrijali hija fundamentali biex pajjiżna jkun jista’ jkompli jagħmel progress ekonomiku u soċjali.
Għal-laqgħa pparteċipaw ukoll il-Ministri Miriam Dalli, Clyde Caruana u Keith Azzopardi Tanti, id-Deputati John Grech, Clint Azzopardi Flores u Francesca Zarb, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.