gov.mt

pr261629

PR261629

04/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-ewwel simulator indoor tal-Golf f’pajjiżna

​

• Il-Ministru Byron Camilleri jinawgura ‘The Sweet Spot’ fil-Gżira fejn ser isservi wkoll bħala post tat-taħriġ għall-isportivi tat-tim nazzjonali

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri inawgura The Sweet Spot fil-Gżira, l-ewwel faċilità indoor tal-golf f’Malta, li se toħloq opportunitajiet ġodda kemm għal min irid jiskopri dan l-isport għall-ewwel darba kif ukoll għal plejers li jridu jitħarrġu u jkomplu jtejbu l-livell tagħhom.  

Bħala parti mill-inawgurazzjoni, il-Ministru Camilleri, flimkien mal-erba’ fundaturi, fetaħ uffiċjalment il-faċilità u wara ta l-ewwel daqqa tal-golf fuq wieħed mis-simulators. Matul iż-żjara ngħata wkoll tagħrif dwar l-investiment u l-mod kif it-teknoloġija se tintuża biex toffri esperjenza kemm lil dawk li għadhom jibdew kif ukoll lil plejers b’aktar esperjenza.  

Il-faċilità hija mibnija madwar tliet simulators professjonali li jippermettu lill-plejers jipprattikaw fuq firxa virtwali, jilagħbu fuq uħud mill-aktar korsijiet magħrufa fid-dinja u janalizzaw il-logħba tagħhom permezz ta’ informazzjoni dettaljata dwar kull daqqa. Il-faċilità tinkludi wkoll putting green u spazji oħra ta’ rikreazzjoni.  

“Il-fatt li din hija l-ewwel faċilità tax-xorta tagħha f’Malta huwa importanti, iżda aktar importanti huwa dak li se tagħmel possibbli. Min se jaqbad klabb tal-golf għall-ewwel darba se jsib post fejn jista’ jiskopri dan l-isport, filwaqt li plejers b’aktar esperjenza se jkollhom opportunità oħra fejn jitħarrġu u jkomplu jtejbu l-livell tagħhom. Permezz tal-kollaborazzjoni mal-Malta Golf Association, minn din il-faċilità se jkun jista’ jibbenefika wkoll it-Tim Nazzjonali tagħna. Irridu nkomplu nwessgħu l-parteċipazzjoni fl-isport, insaħħu t-triq mill-grassroots sal-ogħla livelli u noħolqu kundizzjonijiet aħjar biex l-atleti tagħna jiżviluppaw,” qal il-Ministru Camilleri. 

Waqt l-inawgurazzjoni tħabbret ukoll kollaborazzjoni mal-Malta Golf Association, li permezz tagħha The Sweet Spot sar l-ewwel Approved Indoor Training Partner tal-Assoċjazzjoni. B’hekk, il-plejers tat-Tim Nazzjonali Malti se jkunu jistgħu jużaw il-faċilità fit-taħriġ u fit-tħejjija tagħhom għall-kompetizzjonijiet internazzjonali.  

Wieħed mill-fundaturi ta’ The Sweet Spot, Dorien Mece, qal, “Meta bdejna dan il-proġett, konna erba’ ħbieb b’passjoni għall-golf u b’viżjoni ċara li noħolqu xi ħaġa li ħassejna li kienet nieqsa f’Malta. Ridna post ta’ kwalità li jilqa’ lil kulħadd, fejn it-teknoloġija li jużaw l-aqwa plejers fid-dinja tkun aċċessibbli kemm għal min irid jitħarreġ u jtejjeb il-logħba tiegħu, kif ukoll għal min qatt ma qabad klabb tal-golf qabel. Fl-ewwel ġimgħat diġà rajna familji, tfal, persuni ta’ etajiet differenti u atleti jużaw l-istess spazju u jgawdu l-golf flimkien. Għalina, The Sweet Spot huwa proprju dan: post fejn aktar nies jistgħu jiskopru l-golf, jieħdu gost bih u, għaliex le, jibdew iħobbuh.” 

Il-Ministru Camilleri sostna li investimenti bħal dawn juru wkoll il-kontribut li l-inizjattiva privata tista’ tagħti lill-iżvilupp tal-isport. Huwa qal li kultura sportiva b’saħħitha teħtieġ ħidma flimkien bejn il-Gvern, l-għaqdiet u l-klabbs sportivi, il-kowċis, l-atleti u dawk l-investituri li huma lesti jġibu ideat u opportunitajiet ġodda fis-settur.  

Il-Ministru Camilleri temm billi feraħ lill-fundaturi Rayan Huni Bey, Alex Lemire, Ibby u Dorien Mece għall-viżjoni tagħhom, għall-investiment li għamlu u għall-fiduċja tagħhom fl-isport Malti.  


​