gov.mt

PR261630

PR261630

05/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jżur il-kumpanija Adpro-Instruments li kompliet tinvesti u tispeċjalizza f'Malta


Waqt żjara lill-kumpanija Adpro-Instruments Ltd. il-Prim Ministru Robert Abela qal illi l-Gvern se jibqa' jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ biex kumpaniji lokali u internazzjonali li jispeċjalizzaw fit-teknoloġija u allura jirrikjedu impjegati mħarrġin u ta' kwalità, jibqgħu jiġu attirati lejn Malta, mgħejuna biex jinvestu aktar u mogħtija l-għodda u l-ispazju meħtieġ biex ikunu aktar kompetittivi.

 

“Din il-kumpanija hija xhieda ħajja ta' dan. Storja ta' suċċess ta' 25 sena li kompliet timraħ u tinvesti f'pajjiżna, grazzi wkoll għall-għajnuna u l-inċentivi tal-Malta Enterprise," qal Dr Abela.

 

Iż-żjara fil-fatt immarkat il-25 sena mill-operat ta' Adpro-Instruments f'Malta. Il-kumpanija hija sussidjarja tal-Grupp Ġermaniż UWT GmbH u tispeċjalizza f'teknoloġija ta' kejl, jiġifieri teknoloġija marbuta mal-qari ta' livelli f'kontenituri b'materjal solidu jew likwidu għal kwalunkwe applikazzjoni bħal ikel, xorb, fjuwils, kimiċi u oħrajn.

 

Illum Adpro-Instruments tħaddem 20 persuna u żiedet id-dħul tagħha bi 15-il darba minn meta bdiet topera f'Malta.

 

Waqt iż-żjara d-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Jesmond Desira spjega kif sal-2025, l-operat f'Malta kien iffukat biss fuq sensor units standard. Wara l-2025 Adpro-Instruments espandiet il-manifattura tagħha f'Malta u bdiet tipproduċi wkoll sensor units li huma speċifiċi għall-klijent u li qabel kienu jiġu manifatturati fil-Ġermanja biss.

 

Il-Prim Ministru Abela nnota kif dan l-iżvilupp huwa pass li jsaħħaħ l-irwol tal-kumpanija fis-suq Malti, “u bla dubju huwa ċertifikat ta' fiduċja fl-ekonomija Maltija hekk kif dak li kien ikkonċentrat fil-Ġermanja issa qed jibda jkun manifatturat f'Malta wkoll."

 

Is-Sur Desira qal li mas-snin il-kumpanija kompliet tinvesti fl-operat, fin-nies, fit-teknoloġija u anke fil-proċessi. Innota wkoll kif fl-2023 il-Grupp Ġermaniż stabbilixxa Dipartiment tal-Iżvilupp f'Malta.

 

Il-Prim Ministru rrimarka li bl-appoġġ tal-Malta Enterpise il-kumpanija bbenefikat minn assistenza u għotjiet għal investiment u diversi proġetti. “Dawn il-proġetti bl-għajnuna tal-Gvern kienu kruċjali biex il-kumpanija ssaħħaħ il-manifattura, tinvesti f'teknoloġija ġdida u tkun aktar kompetittiva. Aħna Gvern li verament nemmnu illi rridu nkomplu noffru ambjent attraenti għall-manifattura speċjalizzata, partikolarment permezz tal-ħiliet, adattabilità u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin."

 

Dr Abela temm jgħid illi dan kollu huwa xhieda ta' kemm Malta qed tattira investiment u kemm hija kompetittiva f'dinja fejn il-kompetizzjoni hija waħda kbira. “Dan jimxi id f'id mal-viżjoni ta' Malta 2050, lejn aktar ġid, lejn  pajjiż aktar reżiljenti u lejn xogħol ta' kwalità."

 

F'messaġġ irrekordjat id-Direttur Maniġerjali tal-Grupp UWT GmbH Uwe Niekrawietz esprima sodisfazzjon għall-operat ta' Adpro-Instruments f'Malta u qal li huwa tassew kburi b'dak li l-kumpanija kisbet fil-pajjiż. “Irrid ukoll nirringrazzja lill-Gvern Malti għall-appoġġ li wera sabiex il-vjaġġ tal-Grupp f'Malta jkun ta' suċċess." Is-Sur Niekrawietz temm jiddeskrivi l-impjegati fl-operat ta' Malta bħala “l-akbar ass tal-kumpanija."

 

Ritratti: DOI/OPM

​