Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja ffirma ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Sebħ sabiex ikompli jsaħħaħ is-servizz ta' aftercare f'pajjiżna.
Permezz ta' dan il-ftehim, il-Gvern qed jinvesti kważi miljun ewro fuq medda ta' tliet snin, bil-għan li l-appoġġ ma jiqafx meta persuna titlaq minn dar residenzjali jew shelter. Dan is-servizz joħloq kontinwità u jgħin lill-persuna tagħmel il-pass lejn ħajja aktar indipendenti, sigura u stabbli.
Dan is-servizz huwa mmirat b'mod partikolari lejn żgħażagħ li jkunu qed joħorġu minn residential care meta jilħqu jew ikunu qabżu l-età ta' 18-il sena, kif ukoll lejn nisa u wliedhom li jkunu qed joħorġu minn shelters wara esperjenzi ta' vjolenza u abbuż.
Il-programm huwa mibni fuq tliet tipi ta' Aftercare: appoġġ waqt li l-persuna tkun għadha fir-residential care u qed tipprepara biex toħroġ; akkomodazzjoni tranżitorja semiindipendenti; u appoġġ fil-komunità wara li l-persuna tkun bdiet tgħix b'mod indipendenti.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon tenna li għandu jkompli jingħata sapport u monitoraġġ lil żgħażagħ li ma jibqgħux jgħixu fi djar residenzjali wara l-età ta' 18-il sena. Dan japplika wkoll għall-vittmi ta' vjolenza domestika, li jerġgħu jsibu l-kuraġġ jgħixu b'mod indipendenti. Sostna li għalhekk il-bżonn t'aftercare fit-tul.
“Huwa essenzjali li nibqgħu nagħtu dak kollu possibbli, speċjalment meta nafu li dawn iż-żgħażagħ ftit li xejn ikollhom sapport meta jibdew jgħixu b'mod indipendenti. Illum kuntent nara bosta stejjer ta' suċċess, fejn iltqajt m'esperjenzi ta' persuni li xtraw proprjetà tagħhom, gradwaw, fetħu n-negozju tagħhom u bnew familja," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Yvonne Mallia, Direttur tal-Fondazzjoni Sebħ, qalet, “Is-servizzi tal-aftercare jirriflettu l-impenn tal-Arċidjoċesi biex taddatta u tespandi s-servizzi tagħha fejn hemm bżonn. Dan is-servizz, fil-fatt, inħoloq mill-ħtieġa li jiġu appoġġjati ż-żgħażagħ u n-nisa li jkunu f'din il-fażi, bil-ħsieb li jingħataw iċ-ċans mistħoqq sabiex jibdew il-ħajja adulta tagħhom jew jerġgħu jibnuha wara li jkunu ġarrbu vjolenza u abbuż. Sebħ tibqa' impenjata li taddatta għall-ħtiġijiet ta' dawk fil-kura tagħha, u li tifhem il-bidliet soċjetali li jistgħu jaffettwaw il-pass li jmiss fil-ħajja tagħhom."
L-appoġġ li se jingħata mhuwiex biss akkomodazzjoni iżda jinkludi għajnuna prattika, emozzjonali u psikosoċjali kif ukoll għajnuna biex il-persuna taċċessa edukazzjoni, taħriġ, impjieg, servizzi tas-saħħa u riżorsi oħra fil-komunità.
Fil-każ ta' vittmi ta' vjolenza domestika, l-appoġġ jista' jinkludi wkoll għajnuna marbuta ma' proċeduri legali, stabbiltà finanzjarja, akkomodazzjoni sigura, safety planning u rkupru mit-trawma.
Dan il-ftehim huwa wkoll eżempju ta' kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-FSWS u s-settur volontarju, fejn l-esperjenza ta' Fondazzjoni Sebħ tingħaqad mal-investiment pubbliku sabiex jingħata appoġġ kontinwu u professjonali lil persuni f'mumenti importanti ħafna ta' tranżizzjoni f'ħajjithom.