gov.mt

pr261634

PR261634

05/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 13,000 student jibdew sena akkademika ġdida fl-Università ta’ Malta

  • Il-Ministru Byron Camilleri jżur l-istudenti waqt Freshers' Week

 

Aktar minn 13,000 student se jkunu qed isegwu l-istudju tagħhom fl-Università ta' Malta matul is-sena akkademika 2026/2027, fosthom aktar minn 5,500 student ġdid li din is-sena qed jibdew il-mixja edukattiva tagħhom fl-Università.

 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri attenda ċ-ċerimonja uffiċjali li tat bidu għas-sena akkademika l-ġdida fl-Università ta' Malta, li din is-sena qed titmexxa bit-tema “Building Tomorrow – Through Knowledge, Purpose and Community". Il-Ministru żar ukoll l-attivitajiet tal-Freshers' Week u ltaqa' ma' studenti li qed jibdew kapitlu ġdid fil-mixja edukattiva tagħhom.

 

Mill-istudenti l-ġodda, aktar minn 2,500 se jkunu qed isegwu kors fil-livell undergraduate, filwaqt li aktar minn 2,200 se jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell postgraduate. Magħhom se jingħaqdu madwar 350 student permezz tal-programm Erasmus u madwar 500 visiting student irreġistrati biex isegwu micro-credentials.

 

B'kollox, matul din is-sena akkademika l-Università ta' Malta se tkun qed toffri 931 kors f'firxa wiesgħa ta' oqsma. Il-komunità universitarja qed tkompli wkoll issir dejjem aktar internazzjonali. Din is-sena madwar 2,000 student internazzjonali minn 130 pajjiż differenti se jkunu qed jistudjaw fl-Università ta' Malta, f'ambjent li jġib flimkien esperjenzi, kulturi u perspettivi differenti.

 

“Għal aktar minn 5,500 student, dawn il-jiem ifissru l-bidu ta' kapitlu ġdid f'ħajjithom. Warajhom hemm snin ta' ħidma u sagrifiċċji, u quddiemhom hemm opportunitajiet ġodda biex jitgħallmu, jikbru u jħejju ruħhom għall-futur. It-tema magħżula għal din is-sena, Building Tomorrow, tfakkarna fir-responsabbiltà li għandna lejn dawn l-istudenti u lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-futur ma nibnuhx biss bil-binjiet jew bl-investiment finanzjarju, iżda billi ninvestu fl-għarfien, fit-talent u fil-potenzjal tan-nies tagħna. Irridu Università li mhux biss tagħti lill-istudenti l-għarfien u l-kwalifiki li jeħtieġu, iżda tgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet, il-kunfidenza u l-ambizzjoni tagħhom," qal il-Ministru Camilleri.

 

Il-Ministru indirizza lill-istudenti u ħeġġiġhom sabiex iħarsu lejn dan il-perjodu studentesk bħala żmien li fih jikbru wkoll bħala persuni. Huwa importanti li jmorru tajjeb fl-istudji tagħhom, iżda huwa importanti wkoll li jiksbu ħiliet oħra filwaqt li jgawdu l-ħajja studenteska.

 

Ir-Rettur tal-Università ta' Malta, il-Prof. Frank Bezzina, qal, “Fid-diskors tiegħi waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ enfasizzajt kif l-Università għandha tkun forza ewlenija fl-iżvilupp ta' pajjiżna, b'mod partikolari mil-lat soċjoekonomiku, u għalhekk irridu nkomplu naħdmu id f'id mal-imsieħba strateġiċi tagħna. Irridu li l-istudenti jkunu fiċ-ċentru ta' dak kollu li nagħmlu, filwaqt li nkomplu ninvestu fir-riċerka u fl-infrastruttura. Fuq kollox, irridu li dak li joħroġ mit-tagħlim u mir-riċerka fl-Università jħalli impatt pożittiv fuq pajjiżna. Illum hija ġurnata sabiħa ħafna fejn qed naraw studenti ħerqana li jibdew sena ġdida fl-Università."

 

L-Università ta' Malta qed toffri għażla dejjem usa' u aktar diversa ta' korsijiet f'oqsma differenti ta' studju. Il-lectures għall-istudenti li qed ikomplu l-istudji tagħhom bdew fit-28 ta' Settembru, filwaqt li dawk għall-istudenti tal-ewwel sena se jibdew fit-8 ta' Ottubru.

 

Sadanittant, aktar minn 1,100 student ġdid qed jingħaqad ukoll mal-Junior College, biex b'hekk il-popolazzjoni studenteska tal-Kulleġġ din is-sena taqbeż l-2,100 student.

 

Matul il-Freshers' Week, studenti ġodda qed jingħataw l-opportunità jsiru aktar familjari mal-ħajja universitarja, jiltaqgħu mad-Dekani u mar-rappreżentanti tal-fakultajiet rispettivi tagħhom u jsiru jafu aktar dwar is-servizzi u l-opportunitajiet li se jkollhom disponibbli matul is-snin tagħhom fl-Università.

 

Il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) Nick Muscat qal, “Nawgura lill-istudenti l-ġodda li qed jibdew il-mixja tagħhom fl-Università u nħeġġiġhom jagħmlu l-aħjar mill-Freshers' Week, iżuru l-istands u jieħdu kemm jistgħu mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati. L-Università għandha tkun esperjenza li tmur lil hinn mill-istudju. Inħeġġiġhom jinvolvu ruħhom, igawdu din il-mixja u jagħmlu l-aħjar minnha, filwaqt li huma wkoll iħallu l-marka tagħhom fuq il-ħajja universitarja."

 

Il-Ministru Camilleri awgura lill-istudenti kollha għal din is-sena akkademika u ħeġġiġhom jagħmlu l-aħjar mill-esperjenza universitarja tagħhom, mhux biss fl-istudji iżda wkoll permezz tal-opportunitajiet, l-esperjenzi u r-relazzjonijiet li se jibnu matul din il-mixja.

​​ 

​