Sit ta' madwar 5,500 metru kwadru fi Triq il-Kosta, li qabel kien mitluq, inbidel fi Ġnien it-Tbissim, spazju miftuħ maħsub b'mod partikolari għall-familji u t-tfal.
Il-ġnien ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Fondi Ewropej Keith Azzopardi Tanti fil-preżenza tat-tim ta' Project Green u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Madwar 1,250 resident jgħixu f'distanza ta' inqas minn għaxar minuti bil-mixi mill-ġnien. Dan jagħti lill-familji tal-inħawi spazju ambjentali fil-qrib, aċċessibbli bil-mixi u fejn it-tfal jistgħu jilagħbu b'mod sigur.
Fost l-attrazzjonijiet ewlenin għat-tfal hemm vapur kbir tal-pirati kif ukoll diversi tipi ta' logħob inklussiv għal etajiet differenti, fosthom zipline, trampoline u climbing logs. L-ispazju jagħti lit-tfal aktar opportunitajiet biex jilagħbu u jkunu attivi.
L-iżvilupp ta' Ġnien it-Tbissim sar b'investiment ta' madwar miljun ewro, kofinanzjat minn fondi Ewropej. Ix-xogħlijiet inkludew il-bini ta' ġibjun b'kapaċità ta' madwar 540 metru kubu, pavimentar bil-ġebel naturali, faċilitajiet sanitarji u tagħmir modern għal-logħob. Ġew installati wkoll kameras tas-sigurtà madwar is-sit.
Il-ġnien se jkollu madwar 500 siġra b'kollox, fosthom 200 siġra ġdida li tħawlu bħala parti mill-proġett biex jissaħħaħ l-ambjent naturali tas-sit u l-bijodiversità lokali. Meta s-siġar u l-veġetazzjoni jilħqu l-maturità tagħhom, huwa stmat li madwar 57% tas-sit, jew 3,135 metru kwadru, ikun kopert b'dell naturali.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Miriam Dalli qalet kif dan huwa eżempju ta' kif il-Gvern qed ikompli jinvesti fi spazji miftuħa, għax jemmen li ġonna bħal dawn itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u jsaħħu l-komunità.
“Matul ix-xogħlijiet f'dan il-proġett rajna interess qawwi mill-pubbliku u dan jagħtina aktar kuraġġ biex inkomplu naħdmu u ninvestu f'aktar spazji miftuħa. Fis-snin li għaddew, b'kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u għaqdiet oħra, tajna l-ħajja lil artijiet abbandunati fl-irħula. L-istess għamilna f'Baħar iċ-Ċagħaq, fejn spazju abbandunat illum sar spazju miftuħ fejn il-familji li joqogħdu f'dawn l-inħawi jistgħu jiġu flimkien ma' wliedhom u mal-ħbieb," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal, “Il-fondi Ewropej huma strumentali biex pajjiżna jkompli jinvesti fl-ambjent u joħloq spazji pubbliċi aċċessibbli, sbieħ u inklussivi għall-familji Maltin u Għawdxin." Huwa żied li prijorità ewlenija fit-tmexxija ta' dawn il-fondi hija li kull opportunità ta' finanzjament tissarraf f'titjib tanġibbli fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u f'ambjent aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Dylan Abela Spiteri, il-Project Manager f'dan il-proġett, esprima sodisfazzjon hekk kif issa Ġnien it-Tbissim qed jitgawda mir-residenti ta' Baħar iċ-Ċagħaq, flimkien mal-pubbliku inġenerali.
Dan il-proġett huwa ffinanzjat permezz tal-fondi Ewropej taħt il-Miżura 8.5 u jifforma parti mill-Community Greening Grant Scheme.
Ġnien it-Tbissim huwa miftuħ kuljum mis-7:00 ta' filgħodu sal-10:00 ta' filgħaxija fix-xhur tas-sajf u mis-7:00 ta' filgħodu sat-8:00 ta' filgħaxija fix-xhur tax-xitwa.