gov.mt

pr261645

PR261645

06/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Stħarriġ jikkonferma r-reżiljenza u l-istabbiltà tas-settur tal-catering

L-Association of Catering Establishments (ACE) ippubblikat ir-riżultati ta' Q2 2026 'Insights on the catering industry' waqt sessjoni ta' disseminazzjoni li saret fil-Workers' Memorial Building, il-Belt Valletta li għaliha kien preżenti l-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela.

 

L-istħarriġ juri settur matur, immexxi minn imprendituri Maltin u b'interess notevoli f'investiment kontinwu. Is-settur tal-catering f'Malta qed juri stabbiltà u reżiljenza, iżda jinnota l-pressjonijiet u realtajiet dwar spejjeż, il-marġini ta' qligħ u r-riżors uman. Dan skont stħarriġ li jkopri aktar minn 450 stabbiliment. Aktar minn erbat elef stabbiliment huma liċenzjati f'Malta u Għawdex.

 

Id-dejta turi li 59% tal-operaturi rrappurtaw bejgħ stabbli jew ogħla fl-ewwel nofs tal-2026, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta' qabel, filwaqt li 51% rrappurtaw profittabilità stabbli jew aħjar.

 

Aktar minn nofs ir-rispondenti ilhom fin-negozju għal aktar minn 10 snin, filwaqt li 29% ilhom joperaw għal aktar minn 20 sena. Matul l-aħħar tliet snin, 81% żammew l-istess numru ta' stabbilimenti, filwaqt li 14% espandew l-operat tagħhom. Ħamsa fil-mija biss naqqsu l-operat tagħhom. Din l-industrija hija kontributur importanti għall-impjiegi, bi stabbiliment tipiku jimpjega madwar 11-il persuna fuq bażi full-time u 3 impjegati part-time.

 

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif, “Dawn ir-riżultati jagħtuna stampa ċara ta' settur li, minkejja realtajiet li jiffaċċjaw, jibqa' b'saħħtu, dinamiku u reżiljenti. Il-catering huwa wkoll parti essenzjali mill-prodott turistiku tagħna u għandu rwol importanti fl-ekonomija. Irridu nibqgħu nisimgħu lill-operaturi, nifhmu r-realtajiet li qed jiffaċċjaw u nimxu flimkien biex niżguraw li s-settur ikompli jkun sostenibbli."

 

Il-Ministru Abela saħaq li s-suċċess fit-tul ta' settur daqshekk kompetittiv jiddependi wkoll mill-kapaċità tal-operaturi li jadattaw għas-suq. “Dan huwa settur kompetittiv ħafna. Għalhekk, ir-reżiljenza trid tkun akkumpanjata minn innovazzjoni u investiment fir-rinovar u l-kwalità," temm jgħid il-Ministru.​​

​