• Il-Ministru Byron Camilleri jżur l-istudenti waqt il-Freshers' Week
Aktar minn 8,000 student huma rreġistrati fl-MCAST għas-sena akkademika 2026/2027, fosthom 4,120 student ġdid li din is-sena qed jibdew il-mixja tagħhom mal-Kulleġġ.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri żar il-Kampus Ewlieni tal-MCAST f'Raħal Ġdid waqt il-Freshers' Week, fejn iltaqa' ma' studenti li qed jibdew sena akkademika ġdida u żar diversi stands ta' istituti, għaqdiet u organizzazzjonijiet li qed jieħdu sehem fl-attivitajiet.
L-istudenti tal-MCAST qed isegwu programmi f'livelli differenti, minn korsijiet bażiċi u diplomi sa lawrji, Master's u dottorat. Din il-firxa hija waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-MCAST, li toffri toroq differenti biex studenti b'ħiliet, esperjenzi u aspirazzjonijiet differenti jkunu jistgħu javvanzaw fl-edukazzjoni tagħhom u jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għall-futur.
“Illum hawn aktar minn 8,000 student li għażlu l-MCAST biex ikomplu jibnu l-futur tagħhom, u 4,120 minnhom qed jibdew mixja ġdida mal-Kulleġġ. Kull wieħed u waħda minnkom wasaltu hawn minn triq differenti u għandkom aspirazzjonijiet differenti, iżda lkoll għandkom quddiemkom opportunità biex titgħallmu, tikbru u tiżviluppaw it-talenti tagħkom. Irridu sistema edukattiva li tagħti valur lil kull triq u lil kull talent, u li tagħti lil kull student l-opportunità li jibqa' miexi 'l quddiem. L-edukazzjoni vokazzjonali u professjonali tiftaħ bibien, tibni ħiliet u tħejji ż-żgħażagħ tagħna mhux biss għad-dinja tax-xogħol, iżda biex ikunu parti attiva mill-futur ta' pajjiżna," qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru ħeġġeġ lill-istudenti biex jagħmlu l-aħjar minn dawn is-snin, mhux biss fl-istudji tagħhom iżda wkoll mill-esperjenzi u l-opportunitajiet li toffri l-ħajja studenteska. Saħaq li l-edukazzjoni vokazzjonali u professjonali għandha tibqa' twieġeb kemm għall-aspirazzjonijiet tal-istudenti kif ukoll għall-ħiliet li pajjiżna jeħtieġ għall-ġejjieni.
Din is-sena ġie rreġistrat rispons pożittiv f'oqsma importanti għall-ħtiġijiet tal-pajjiż, fosthom l-inġinerija, in-nursing u s-servizzi fil-komunità. L-offerta tal-MCAST tkompli tiġi żviluppata biex tirrifletti l-ħiliet meħtieġa fid-dinja tax-xogħol u l-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali ta' Malta.
L-MCAST illum għandu seba' istituti mifruxa fuq erba' kampuses, b'popolazzjoni studenteska li tinkludi studenti full-time, part-time u studenti internazzjonali full-time.
Fl-istess waqt, qed ikompli l-investiment biex l-MCAST ikollu ambjent u faċilitajiet li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-istudenti u tat-tagħlim tal-lum. Ġie assigurat il-finanzjament biex l-Istitut għall-Arti Kreattiva (ICA) jimxi għall-Kampus ta' Raħal Ġdid, hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali, pass ieħor fl-iżvilupp tal-kampus u fit-titjib tal-faċilitajiet li minnhom se jibbenefikaw l-istudenti.
Matul il-Freshers' Week, l-istudenti qed jingħataw l-opportunità jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-istituti tagħhom, isiru jafu aktar dwar is-servizzi disponibbli fil-Kulleġġ u jiltaqgħu ma' għaqdiet, organizzazzjonijiet u msieħba li se jkunu preżenti tul il-mixja tagħhom fl-MCAST.
L-istudenta Elisa Delmar, li qed issegwi Diploma fil-Livell 4 fl-Isport u qed tibda t-tieni sena tagħha fl-MCAST, qalet, “Din hija t-tieni sena tiegħi fl-MCAST u ninsab vera eċċitata biex nibda sena ġdida. Waqt il-Freshers' Week qed nerġa' niltaqa' ma' sħabi tas-sena l-oħra u qed inħares 'il quddiem għal dak kollu li se ġġib magħha din is-sena. L-MCAST togħġobni ħafna għaliex it-tagħlim mhuwiex ibbażat biss fuq ix-xogħol bil-miktub, iżda jkollna wkoll ħafna attivitajiet u esperjenzi differenti. Ninsab ħerqana għal sena oħra u għall-affarijiet ġodda kollha li se nitgħallem."
Il-Freshers' Week qed issir fil-Kampus Ewlieni f'Raħal Ġdid bejn il-5 u s-7 ta' Ottubru, u tkompli fil-Kampus tal-Mosta fit-8 ta' Ottubru u fil-Kampus ta' Għawdex fid-9 ta' Ottubru.
Il-Ministru Camilleri awgura lill-istudenti għal din is-sena akkademika u ħeġġiġhom jagħmlu l-aħjar mhux biss mill-istudji tagħhom, iżda mill-esperjenza kollha li toffri l-MCAST, billi jinvolvu ruħhom, jiżviluppaw ħiliet ġodda u jaħtfu l-opportunitajiet li se jsibu quddiemhom.