Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti indirizzaw konferenza bl-isem ta' 'Youth Guarantee & Training for Employment' li trattat l-importanza tal-investiment kontinwu fiż-żgħażagħ, fil-ħiliet u fl-opportunitajiet ta' impjieg.
Il-Ministru Attard qal li s-suq tax-xogħol qed jinbidel kontinwament u għalhekk huwa importanti li nkomplu noħolqu opportunitajiet li jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li nagħtu wkoll lill-ħaddiema l-opportunità li jkomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
“F'dawn l-aħħar snin, aktar minn 15,000 persuna diġà bbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet ta' taħriġ, żvilupp tal-ħiliet u esperjenza. Dan juri l-importanza li nkomplu ninvestu f'miżuri li jagħtu lin-nies l-għodod biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, javvanzaw fil-karriera tagħhom u jadattaw għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu. L-għan tagħna huwa li nkomplu nibnu fuq dan ir-riżultat u niżguraw li aktar żgħażagħ u ħaddiema jkollhom aċċess għal opportunitajiet konkreti," qal il-Ministru Attard.
Il-Ministru Attard enfasizza wkoll ir-rwol ta' Jobsplus bħala s-Servizz Pubbliku tal-Impjieg, li jgħaqqad lil dawk li qed ifittxu impjieg, lill-ħaddiema, lil min iħaddem u lill-opportunitajiet ta' taħriġ.
Komplessivament l-investiment fuq dawn iż-żewġ proġetti huwa ta' €22 miljun. Il-proġett Youth Guarantee, b'investiment ta' aktar minn €10 miljun u li se jibqa' għaddej sal-aħħar tal-2028, jiffoka fuq żgħażagħ bejn il-15 u d-29 sena, b'enfasi fuq il-prevenzjoni, l-appoġġ personalizzat u t-tranżizzjoni lejn l-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-impjieg. Fost il-miżuri hemm il-Free SEC Revision Classes, Empower Youth u ALMA.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li l-valur veru tal-fondi Ewropej jinsab fl-impatt li dawn iħallu fil-ħajja tan-nies. “Permezz ta' proġetti bħal dan qed ngħinu lill-persuni jsaħħu l-ħiliet tagħhom, jiksbu esperjenza siewja u jkollhom opportunitajiet aħjar ta' impjieg. L-għan tagħna huwa li niżguraw li l-fondi Ewropej ikomplu jwasslu għal riżultati konkreti, billi nappoġġjaw l-iżvilupp professjonali tan-nies u nsaħħu l-forza tax-xogħol ta' Malta għall-futur," żied il-Ministru Azzopardi Tanti.
Il-proġett Training for Employment, b'investiment ta' €12-il miljun u li se jibqa' għaddej sa Diċembru 2029, jiffoka fuq l-esperjenza fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ, l-upskilling u r-reskilling permezz ta' inizjattivi bħall-Work Exposure, Traineeships u MySkills.
Il-proġetti jibnu fuq ir-riżultati miksuba mill-programmi preċedenti. Bejn l-2015 u l-2023, aktar minn 6,000 żagħżugħ ipparteċipaw fil-Youth Guarantee, filwaqt li 88% kisbu kwalifika jew ċertifikazzjoni jew daħlu fl-impjieg wara l-parteċipazzjoni tagħhom.
Intant, il-proġett preċedenti ta' Training for Employment appoġġja 9,045 persuna bejn l-2016 u l-2023, filwaqt li 89% tal-parteċipanti kisbu kwalifika jew ċertifikazzjoni.
Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv ta' Jobsplus Celia Falzon saħqet li n-nies jeħtieġu appoġġ differenti fi stadji differenti ta' ħajjithom. Il-proġetti Youth Guarantee u Training for Employment jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet billi jassistu liż-żgħażagħ biex jibqgħu fl-edukazzjoni jew jidħlu fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li jgħinu lil oħrajn jiksbu esperjenza, jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u javvanzaw fil-karriera.
Fost persuni oħra preżenti kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Ronald Mizzi u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea.