gov.mt

PR261655

PR261655

07/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Irrid nara lill-Pulizija jkollha aktar riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha f’kull livell – Ministru Glenn Bedingfield


Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield saħaq fuq l-importanza tal-investiment kontinwu fil-Korp tal-Pulizija, fosthom fit-taħriġ, fl-ispeċjalizzazzjoni, fit-teknoloġija u fir-riżorsi, sabiex il-Korp ikun jista' jkompli joffri servizz effiċjenti u professjonali lill-komunità.​​

Il-Ministru qal dan waqt ċerimonja li matulha​ ngħataw il-Midalja għas-Servizz Twil u Effiċjenti u l-Clasps lil membri u eks membri tal-Korp tal-Pulizija bħala rikonoxximent għas-snin ta' servizz u dedikazzjoni tagħhom.

Il-Ministru Bedingfield qal li s-servizz tal-Pulizija huwa responsabbiltà lejn is-soċjetà, partikolarment fiż-żamma tal-bon ordni, fil-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli u fl-infurzar tal-liġi.

Huwa qal li r-rikonoxximent mogħti lill-membri u lill-eks membri tal-Korp għandu jkun akkumpanjat minn impenn konkret biex ikompli jissaħħaħ il-Korp tal-Pulizija.

“Irrid nara lill-Pulizija jkollha aktar riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha f'kull livell," qal il-Ministru, filwaqt li spjega li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-kundizzjonijiet tas-servizz u fit-taħriġ tal-membri tal-Korp.

Huwa qal li se jkomplu jiġu eżaminati u mtejba l-proċeduri sabiex il-Pulizija jkollha l-għodod u l-kapaċitajiet meħtieġa biex twettaq dmirha bl-aħjar mod possibbli.

Huwa enfasizza wkoll l-importanza li l-Korp ikompli jadatta għal soċjetà li qed tinbidel u għal kriminalità li qed issir. Il-Ministru Bedingfield saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari kontra t-traffikar tad-droga u t-traffikar u l-kuntrabandu tal-persuni.

“Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata trid tibqa' prijorità jekk irridu soċjetà li tgħix b'moħħha mistrieħ. Is-serħan tal-moħħ għandu rabta diretta mal-kwalità tal-ħajja u l-prosperità ekonomika," qal il-Ministru.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li: “Il-midalji u l-clasps li qed jingħataw illum mhumiex biss simbolu tas-servizz twil tagħkom. Huma xhieda ta' vjaġġ li fih tajtu qalbkom u ruħkom: tas-sigħat twal, tal-kuraġġ quddiem l-isfidi, u tal-impenn kontinwu tagħkom biex tħarsu l-komunitajiet tagħna." 

​